Sitt irġiel u żewġ nisa arrestati f’Bormla wara sejba ta’ droga u €20,000 – One News

Notifiki

Sitt irġiel u żewġ nisa arrestati f’Bormla wara sejba ta’ droga u €20,000

Wara diversi ġimgħat t’osservazzjoni, ħidma mill-Pulizija ta’ l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, dawk mill-Special Intervention Unit u mis-sezzjoni tal-klieb tal-Pulizija, wasslet għall-arrest ta’ 8 persuni waqt rejd li sar ilbieraħ filgħodu ġewwa diversi residenzi fosthom fi Triq Santu Rokku, Bormla u ġewwa l-Pjazza ta’ l-istess lokalita`.

Il-persuni, 6 irġiel u 2 nisa li l-età tagħhom tvarja bejn 17-il sena u it-43 sena, huma residenti f’Bormla, Ħal Qormi u x-Xagħajra rispettivament. Waqt it-tfittxijiet li saru mill-Pulizija minn ġo residenzi ġew elevati madwar 115 qartas bis-sustanza allegatament kokaina, crack u eroina, lesta biex tiġi traffikata, mwieżen eletroniċi u oġġetti oħra li jintużaw fl-abbuż u l-bejħ ta’ l-istess sustanza.

Moħbija f’waħda mir-residenzi nstabu wkoll madwar €20,000 fi flus kontanti.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr A. Buġeja LL.D li ħatar diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata.

Il-persuni arrestati ġew meħuda fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex jassistu fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend