"Nassigura lil ġenituri li mhux se jħallsu flus għat-trasport ta' wliedhom" – il-Ministru tal-Edukazzjoni | One News

Notifiki

“Nassigura lil ġenituri li mhux se jħallsu flus għat-trasport ta’ wliedhom” – il-Ministru tal-Edukazzjoni

“Nassigura lil ġenituri li mhux se jħallsu flus għat-trasport ta’ wliedhom jekk jattendu skola privata jew tal-Knisja.”

Sostna dan il-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo f’intervista ma’ ONE News dwar is-servizz ta’ trasport b’xejn li se jibda joffri l-Gvern lil madwar 11,000-il elf tifel u tifla li jattendi f’xi skola tal-Knisja jew indipendenti. Dan minbarra s-servizz ta’ trasport b’xejn li diġà joffri l-Gvern lil eluf ta’ tfal oħra li jattendu fi skejjel tal-istat.Il-Minisru saħaq li l-ftehim hu bejn il-Gvern u l-operaturi u għalhekk se jkun il-Gvern li jħallas għal dan is-servizz u mhux il-ġenituri.

Aktar kmieni dalgħodu tħabbar li l-Gvern kien laħaq ftehim mal-operaturi tat-trasport tal-iskejjel privati u tal-Knisja biex mis-sena akkademika li jmiss it-trasport ikun offrut b’xejn. Dan bil-għan ukoll li titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku fl-aktar ħinijiet bieżla tal-ġurnata.

Il-Ministru Bartolo qal ukoll li dawk li diġà ħallsu għat-trasport ta’ wliedhom għandhom jingħataw flushom lura mingħand l-operaturi.
Spjega kif permezz ta’ dan il-ftehim se jiġi żgurat li l-flus qed jintefqu b’għaqal waqt li l-operaturi se jingħataw ħlas ġust għax-xogħol tagħhom.
Temm jgħid li dan is-servizz seta’ jibda jingħata għax pajjiżna għandu tkabbir ekonomiku u l-ġid li qed joħloq qed iqassmu b’mod ġust u għaqli mal-familji Maltin u Għawdxin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend