Mara rringrazzjat ġuvni li lbieraħ filgħaxija salvalha l-kelba wara li kienet fil-mira li tiġi attakkat minn kelba tar-razza pitbull.
Spjegat kif kien jum bħall-oħrajn fejn hi flimkien mal-kelba tagħha tar-razza Springer, kienet miexja fil-kampanja bejn Ħaż-Żebbuġ u r-Rabat meta avviċinathom kelba tar-razza pitbull u bdiet tipprova tilgħab mal-kelba l-oħra. Minkejja li għal diversi drabi l-mara ppruvat tibqa’ miexja ‘l quddiem biex ikomplu l-mixja, din il-kelba ma bdietx tħallihom u kif rat li l-kelba l-oħra ma riditx tilgħab magħha bdiet issir aggressiva. L-istess mara spjegat li ppruvat kemm-il darba twaqqaf karozzi fil-qrib iżda kien kollu għalxejn meta f’ħin minnom kien ġuvni li waqaf u sema’ t-talba tagħha. Hi talbitu biex iżomm lil din il-kelba sakemm hi timxi ftit ‘il bogħod sabiex il-pitbull ma tibqax issegwihom. Minkejja li anke l-ġuvni beda jibża minn din il-kelba, irnexxielu jsib ħabel, rabatha qisha ċinga, u żammha sakemm din il-mara mxiet ‘il quddiem.
Hi temmet il-messaġġ tagħha billi rringrazzjata hekk kif żgur mhux forsi li kieku ma waqafx l-istorja kienet tkun ferm differenti. Appellat lil dak il-ġuvni li jekk ħa lil dik il-kelba miegħu, għandu jsibilha familja li lesta li tħobbha hekk kif hi għadha ġeru.