Għawdex jaf fejn imidd il-pass | One News

Notifiki

Għawdex jaf fejn imidd il-pass

Kelli ftit opportunità li nkun Għawdex fil-weekends li għaddew,  u speċjalment għax ġiet  it-tifla minn barra. Ġabet l-għożża tagħha,  lit-tifla li dalwaqt tagħlaq sninha,  u li għalkemm twieldet u qed titrabba l-Ingilterra,  għandha ċittadinanza qawwija f’Għawdex. Uriet ix-xewqa li tagħmel il-griżma Għawdex,  u għalhekk mort inżur lill-ħabib tiegħi,  Dun Mario,  li hekk jafuh l-Għawdxin,  aktar milli bħala l-Isqof Grech.  Dun Mario għandu kariżma man-nies,  u  ma jgerrex lil ħadd.  Ilu jieħu sehem fil-programm tiegħu fuq Radio One għal dawn l-aħħar 13-il sena,  minn meta sar Isqof.

Dejjem żamm il-linja li hu Dun Mario,  u Dun Mario għal kulħadd.  Ma jfissirx għax jitkellem fuq Radio One qed ixejjer bandiera ta’ kulur politiku.  Dejjem żamm mal-linja pastorali tiegħu.  Bosta drabi jifhem u jagħder lil kulħadd.   Darba ħasadni.  Jien tkellimt fuq id-dagħa,  u hu weġibni li ħafna nies ma jkunux verament qed jidgħu!  Wara li ħsibt tajtu raġun,  għax ħafna minn dawk li jgħidu kliem goff,  ma jkunux iridu jżebilħu lill-Ħallieq.

Raquel,  it-tifla tat-tifla, ħarġet ferħana migħandu.

Għawdex dejjem għaddej.  Fil-pjazez tal-irħula, attività kullimkien.  U li osservajt li l-ħwienet fejn tiekol għadhom f’idejn l-Għawdxin,  u mhux se jmejlu rashom għal ħadd.  Il-każini tal-baned u oħrajn bħal tal-football  huma ristoranti li jkollhom in-nies,  u mhux tar-raħal biss. Insomma,  l-Għawdxin jafu fejn għandhom imiddu l-pass u kemm għandhom imidduh.

La qed nitkellem fuq in-neputija,  din tkun l-Ingilterra meta tagħlaq sninha.  Marti riedet li nagħmlulha festin u cake waqt li qiegħda hawn.  Naf li l-Għawdxin kapaci,  u staqsejt fejn nista’ nordna cake.  Issuġġerweli għand Eman tax-Xagħra.  Minn fuq it-telefon,  spjegajna xi xtaqet it-tifla,  u ttamajna li kollox jiġi żewġ.  Morna ġbarna l-cake, u kien jidher li kollox sew,  imma meta ttiekel,  u konna 15-il ruħ,  kulħadd qal xi tjubija.  Jien sifirt u doqt ikel.  Bħal dak il-cake doqt fi Franza, bnin u ħafif.  Jagħmlu żball l-Għawdxin jekk ma jemmnux fihom infushom.

Naturalment,  f’Għawdex għandi ħbieb tiegħi mill-imgħoddi tiegħi.  Il-patrijiet Franġiskani,  li jgħidulhom il-patrijiet tax-Xatt.  Għamlu ikla buffet u mort u ħadna gost.  U l-quddiesa hemm tal-Ħadd fil-11:00 hija meravilja.  Il-knisja mimlija daqs bajda,  imma bl-ajra kundizzjonata.  Kelli speċi ta’ diskursata fuq ir-radju ma’ Dun Mario,  u qalli li ħafna drabi l-liturġija tinstema’ monotona.  Irrid ngħidlu jmur sal-knisja ta’ Sant’Antnin,  u   jisma’ l-kant ta’ żewġt aħwa  Albert-Lauren Agius u oħtu Loredana.  L-ewwel darba bqajt meraviljat,  u dħalt is-sagristija nkellimhom.  Il-patrijiet bdew jgħiduli fuq li Albert-Lauren rebaħ San Remo f’Malta u mar barra,  u ta’ Għawdxi li hu għamel suċċess fil-kant.  Issa rajt fuq Facebook tal-patrijiet Franġiskani ta’ Għajnsielem  li Albert-Lauren se jikkompeti fil-Eurovision taż-żgħar.  Inħalli f’idejkom meta tisimgħuh.

Għawdex veru għandu s-seħer tiegħu.  Il-Vanġelu qrah patri bl-aċċent barrani.  Wara tkellimt ma’ Patri Alfred Sciberras,  li kien ftit qabli u għad għandu ritratt tiegħi meta kont novizz, u qalli li dan hu professur Ġermaniż tal-ilsna semitiċi u ġie hawn biex jitgħallem fuq il-Malti.  Għamel sew għażel Għawdex,  għax anke l-ilsien Malti jibżgħu għalih.

Dan kollu jfisser li huwa dmir tagħna li nibżgħu għal Għawdex u għall-Għawdxin.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend