Elevati filmati mill-'GoPro' ta' Neil Zammit | One News

Notifiki

Elevati filmati mill-‘GoPro’ ta’ Neil Zammit

Filmati li ttieħdu minn kamera ‘GoPro’ li kien juża Neil Zammit qabel tilef ħajtu waqt li kien qiegħed jogħdos bin-nifs f’Baħar iċ-Ċagħaq mistennija jitfgħu dawl dwar il-mewt tiegħu f’qasir il-għomor.

Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija kkonfermaw ma’ ONE News li fl-aħħar sigħat l-investigaturi diġà bdew janalizzaw bir-reqqa dawn il-filmati li mistennija jixħtu dawl dwar x’wasal sabiex Zammit tilef ħajtu waqt li kien qed jipprattika l-isport li tant kellu għal qalbu.Madankollu żiedu jgħud li se tkun l-awtopsja li ser issir il-Ħamis filgħodu li tiddetermina l-kawża ewlenija tal-mewt ta’ Neil.

Dan l-istazzjon hu infurmat li l-katavru ta’ Zammit instab fuq l-alka f’qiegħ il-baħar fl-istess post fejn kien qiegħed jogħdos bin-nifs fl-inħawi ta’ Baħar iċ-Ċagħaq.

Huwa ttella’ mill-baħar it-Tlieta filgħaxija minn membri tal-forzi armati ta’ Malta wara tfittxija intensiva li ħadet is-sigħat.

Intant, il-mewta traġika ta’ Neil fl-età għoxrin sena ġabet ir-reazzjoni ta’ bosta fosthom tat-tfajla tiegħu Rebecca Vella. Fuq facebook, hija indirizzat lil Neil bħala r-raġel ta’ ħajjitha u qalet li se tkun qed titlob għalih kuljum.

Rebecca kienet fost il-qraba li kienu preżenti fuq ix-xena fejn instab il-katavru ta’ Zammit. Viżibbilment emozzjonata, it-tfajla dehret imbikkma u għal xi ħin anke kienet lesta biex tinżel tfittxu fil-baħar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend