Trasport marittimu nadif jgħin l-ambjent u s-saħħa tan-nies – L-MEP Miriam Dalli u l-Ministru Evarist Bartolo | One News

Notifiki

Trasport marittimu nadif jgħin l-ambjent u s-saħħa tan-nies – L-MEP Miriam Dalli u l-Ministru Evarist Bartolo

It-tniġġis minn inġenji tal-baħar hemm bżonn li jkun indirizzat f’qasir żmien partikolarment għal gżira bħal Malta. B’dan il-mod biss inkunu qed naċċertaw kwalità ta’ arja u saħħa aħjar fil-gżejjer tagħna. L-MEP Miriam Dalli u l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qalu dan wara li raw kif jaħdem luzzu elettriku. Dan il-luzzu li jaħdem bl-elettriku ġie żvilluppat wara proġett li studenti mill-Fakulta tal-Inġinerija mill-Universita ta’ Malta għamlu flimkien ma’ kumpaniji privati.“Biex ingawdu minn arja aktar nadifa teżisti aktar minn soluzzjoni waħda. Irridu nindirizzaw il-modi differenti tat-trasport, inkluż trasport marittimu. Biex dan isir hemm bżonn li nippromwovu aktar riċerka u innovazzjoni biex ikollna soluzzjonijiet li verament jaħdmu,” sostniet Miriam Dalli li bħalissa qed tmexxi liġi li għandha tnaqqas it-tniġġis mill-karozzi.

Statistika maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li t-trasport marittimu f’Malta jikkontribwixxi għal 15% tat-tniġġis mit-trasport kollu.

L-MEP Miriam Dalli qalet li hemm diversi miżuri li jistgħu jgħinu biex it-tniġġiż mit-trasport marittimu jonqos fosthom b’sistemi ta’ shore to ship (meta vapuri jkunu marbuta fil-portijiet) kif ukoll billi dgħajjes żghar jużaw enerġija aktar nadifa.

B’referenza għall-proġett tal-Università ta’ Malta, Miriam Dalli sostniet li proġetti innovattivi lokali għandhom jingħataw l-għajnuna meħtieġa biex ikunu żvillippati soluzzjonijiet li huma verament addattati għal min juża’ dgħajjes żgħar.

“F’pajjiżna dgħajjes żgħar jintużaw għal skopijiet differenti. Biex idawru turisti u Maltin jaraw postijiet differenti fil-gżejjer tagħna, bħala mezz ta’ trasport minn belt għall-oħra u anke għas-sajd. Huwa importanti li jkunu żviluppati soluzzjonijiet differenti li jistgħu verament jindirizzaw dawn il-ħtiġijiet,”, sostniet Dr Dalli.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo qal li dan huwa każ tipiku fejn riċerkaturi u akkademiċi jużaw l-għerf u l-ħiliet tagħhom biex joħorġu bi prodotti tipiċi

“Il-pass li jmiss għandu jkun li jiġi kkumerċjalizzat tip ta’ trasport li jaħdem b’enerġija nadifa għal ġid tal-ambjent ta’ madwarna,” żied jgħid il-Ministru Bartolo.

Il-Professur Joseph Cilia, Professur fil-Fakulta tal-Inġinerija fl-Università ta’ Malta spjega l-aħħar teknoloġija li ġiet użata f’dan il-proġett biex il-luzzu seta’ jaħdem bl-elettriku, fosthom lithium batteries u DT Brushless Motors.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend