Mat-28,000 membru f'90 każin tal-banda f'pajjiżna | One News

Notifiki

Mat-28,000 membru f’90 każin tal-banda f’pajjiżna

Il-każini tal-banda f’pajjiżna għandhom mat-28,000 membru.

Dan irriżulta minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li minn stħarriġ li sar din is-sena, fost disgħin każin tal-banda irriżulta li s-sena li għaddiet kien hemm 27,326. Minn dawn, 3,524 kienu bandisti residenti jew fuq taħriġ.Ma’ dawn kien hemm kważi 1,100 membru tal-kumitat u mat-23,000 membru ordinarju.

Mill-istatistika rriżulta li matul is-sena li għaddiet, is-sħubija mal-għaqdiet tal-banda naqset b’0.6%, jiġifieri b’162 membru. Dan it-tnaqqis kien riżultat ta’ tnaqqis fil-bandisti li jieħdu t-taħriġ.

Aktar minn kwart tal-membri tal-każini tal-banda kienu nisa. Fil-perjodu li dwaru sar l-istħarriġ, il-bandisti residenti feminili ammontaw għal 27.4%.

Simili għal riżultati passati, irriżulta li l-akbar numru ta’ bandisti residenti f’Malta u Għawdex kienu mid-distrett tax-Xlokk.

Aktar minn 1,200 prestazzjoni kienu stmati li saru mill-każini tal-banda u li minnhom, kwart saru f’lokalitajiet differenti minn dawk tal-għaqdiet tal-banda.

Bħala total, il-prestazzjonijiet minn għaqdiet tal-banda żdiedu b’7.3% meta mqabbla ma’ tliet snin qabel jiġifieri l-2014.

L-ispiża rikurrenti totali matul l-2017 kienet stmata li qabżet l-€4 miljun, jiġifieri 18.6% iktar meta mqabbla mal-2014. Dan fl-istess waqt li l-każini tal-baned irreġistraw dħul ta’ madwar €5,100,000, li jfisser żieda ta’ 37.8% meta mqabbla mal-2014.

Minbarra d-dħul li jinkludi fondi tal-gvern u kirjiet, irriżulta li d-donazzjonijiet kienu s-sors ewlieni l-ieħor ta’ dħul għall-każini tal-banda.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend