Imut il-Professur Anġlu Psaila – One News

Notifiki

Imut il-Professur Anġlu Psaila

Tħabbret il-mewt tal-Professur Anġlu Psaila, speċjalista tal-mediċina ġenerali. Imwieled Ħaż-Żabbar, huwa kellu 81 sena u kien speċjalista tat-tfal u kardjologu kliniku.

Il-Professur Psaila kien magħruf għal diversi interventi li għamel fil-qasam tal-edukazzjoni tas-saħħa pubblika, billi kkontribwixxa f’għadda programmi lokali tar-radju u t-televiżjoni. Għal bosta snin ppreżenta l-programm Stetoskopju fuq One Radio.L-ex deputat Maria Camilleri rrakkontat ma’ ONE NEWS episodji minn ħajjet il-Professur Psaila.  

“Jiena sirt naf lill-Profs Psaila snin ilu fi żmien meta il-Profs kien ħabib kbir tal-perit Mintoff. Bħal ħafna oħrajn, nhar ta’ Sibt jitla’ l-Għarix, u aħna konna ngħidulha il-klikka tal-għarix. Barra milli niringrazzjah ta’ dak kollu li għamel issa naf fiċ-ċert li ta’ dak li għamel  issa jkollu l-mertu mistħoqq u jekk issa jerġa jiltaqa’ mal-klikka li ħallitna tal-Għarix isellilna għaliha, b’mod speċjali lill-Perit, grazzi ħafna profs.”

Kienu bosta n-nies li jiftakru l-memorja tal-Professur Psaila. Fosthom il-preżentatur Alfred Zammit li għal snin twal kien ikollu l-professur Psaila mistieden fil-programmi popolari tiegħu.

“Illum Malta tilfet wieħed mill-aqwa professuri fil-qasam tal-mediċina. Il-professur Psaila kien ġentlom, edukatur, edukatur fil-qasam tas-saħħa fix-xandir. Kien pijunier tal-edukazzjoni tas-saħħa fuq ix-xandir. Niftakruh jibda ma’ Norman Hamilton u Josette Grech f’Sibtijiet Flimkien snin ilu, u kompla għaddej bl-edukazzjoni tiegħu fuq ix-xandir, radju u televizjoni magħna, fuq ONE anka fuq il-programm Kalamita, imma żgur li l-professur jibqa, il-poplu jibqa’ jiftakru bħala ġentlom u għen ħafna nies u fejjaq ħafna nies b’mod speċjali fil-qasam tas-saħħa”.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne esprima l-apprezzament tiegħu għall-kontributa li ta l-Professur Psaila lill-qasam tas-saħħa f’Malta.

“Jiena lill-professur Psaila ilni nafu minn mindu kont student tal-mediċina aktar minn 30 sena ilu. Kien pilastru tal-kura medika f’pajjiżna, pilastru tal-edukazzjoni medika f’pajjiżna, u aħna bħala studenti tal-mediċina kienu hu li l-aktar li għallimna. Bqajt nitgħallem mingħandu sal-aħħar darba li kellimtu, ftit tal-ġimgħat ilu. Il-memorja ta’ Anġlu Psaila se tibqa’ ħajja f’ħafna tobba u ħafna profesjonalisti imma l-aktar f’ħafna pazjenti li jafu saħħithom anka ħafna drabi lil ħajjithom lill-Professur.”

L-altruwiżmu tiegħu kien waslu wkoll biex joffri l-kontribut tiegħu fl-arena politika fejn kien ukoll kandidat tal-Partit Laburista f’numru ta’ elezzjonijiet ġenerali filwaqt li fl-2013 ingħata Ġieħ ir-Repubblika bħala rikonoxximent tal-kontribut siewi tiegħu fil-qasam tal-mediċina u l-kura medika f’Malta.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista sellem il-memorja tal-Professur Psaila li mhux biss kien jispikka għall-għerf tiegħu iżda wkoll għall-mod kif dan l-għerf kien jipprova jxerrdu fost il-pubbliku b’mod partikolari permezz tal-media.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fakkar kif Anġlu Psaila kien professjonist iddedikat fil-mediċina, u xandar li spjega l-mediċina lil diversi ġenerazzjonijiet fuq il-midja.

 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne iddeskriva lill-professur bħala kollega u ħabib tal-qalb, li ġenerazzjonijiet sħaħ għandhom ikunu grati lejh.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend