Tibda titwessa parti mit-Telgħa t'Alla u Ommu | One News

Notifiki

Tibda titwessa parti mit-Telgħa t’Alla u Ommu

Bdiet titwessa parti mit-Telgħa t’Alla u Ommu, in-Naxxar, sabiex telimina l-ixkiel li hemm bħalissa hekk kif il-karreġġjata lejn in-Naxxar tidjieq għal korsija waħda.

It-Telgħa t’Alla u Ommu hija waħda mir-rotot ewlenin bejn it-tramuntana u ċ-ċentru tal-pajjiż, li twasslek minn San Pawl il-Baħar, il-Magħtab u Burmarrad lejn il-Mosta, l-Birguma u n-Naxxar, fost oħrajn. Il-parti ta’ fuq nett tal-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ din it-triq, li minn Burmarrad tagħti għan-Naxxar, bħalissa tidjieq forma ta’ lembut minn żewġ korsiji għal korsija waħda. Dan qed iwassal għal dewmien fl-ivvjaġġar, aktar riskji ta’ aċċidenti u diffikultajiet oħra hekk kif dawk li jkunu qed jivvjaġġaw minn din it-triq ikollhom jaqilbu minn żewġ korsiji għal korsija waħda, qabel jaslu għar-roundabout tal-Birguma.Permezz ta’ proġett li Infrastructure Malta bdiet il-ġimgħa li għaddiet, din il-parti tat-triq qed titwessa sabiex tinfetaħ it-tieni korsija mat-telgħa kollha minn Burmarrad sar-roundabout tal-Birguma. Dan ix-xogħol jinkludi l-bini ta’ sisien ġodda għall-korsija l-ġdida, bini mill-ġdid tal-bankini u l-ħitan tal-ġnub tat-triq skont il-wisa’ ġdida tat-triq, kif ukoll il-kisi ta’ wiċċ it-triq b’asfalt ġdid.

Minħabba dawn ix-xogħlijiet, fis-sigħat bikrin tat-Tlieta filgħodu, bejn nofs il-lejl (00:00) u l-erbgħa ta’ filgħodu (04:00), il-karreġġjata minn Burmarrad lejn in-Naxxar ser tkun magħluqa b’mod temporanju. Dawk li f’dan il-ħin ikunu qed jivvjaġġaw minn San Pawl il-Baħar, il-Magħtab jew Burmarrad, lejn il-Mosta u n-Naxxar għandhom jevitaw dan l-għeluq billi jgħaddu minn Triq Burmarrad lejn l-inħawi ta’ Targa Gap, il-Mosta.

It-twessigħ ta’ din il-parti tat-Telgħa t’Alla u Ommu huwa ppjanat li jitlesta fi ftit ġimgħat, sal-aħħar ta’ Settembru. Permezz ta’ proġett ieħor f’dawn l-inħawi, Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid ukoll it-Triq tal-Balal, il-konnessjoni ewlenija bejn in-Naxxar u San Ġwann. Din it-triq li tintuża minn eluf ta’ persuni ta’ kuljum, ser tkun qed tissaħħaħ b’korsiji ġodda fiż-żewġ direzzjonijiet, sistemi ġodda ta’ ħarsien għal dawk li jivvjaġġaw minnha b’mezzi differenti u bini mill-ġdid tal-erba’ roundabouts tagħha. B’dan l-investiment qed tiżdied il-kapaċità u l-effiċċjenza ta’ din it-triq, waqt li jitnaqqsu d-dewmien fl-ivvjaġġar u l-emissjonijiet tal-vetturi kkawżati minn ħafna ħin ta’ stennija fil-korsiji u r-roundabouts tagħha, kif inhuma bħalissa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend