Qanpiena f'Ħad-Dingli se terġa' tibda tinstema' tidwi mar-raħal wara 20 sena | One News

Notifiki

Qanpiena f’Ħad-Dingli se terġa’ tibda tinstema’ tidwi mar-raħal wara 20 sena

Ingħatat lura l-ħajja qanpiena storika f’Ħad Dingli wara li sarilha xogħol ta’ restawr fuq il-ħoss.  Din il-qanpiena li tiżen madwar 400 kilo tmur lura għas-seklu 18 wara li kienet ilha ma tara d-dawl tax-xemx minn fuq il-kampnar tal-Knisja ta’ Ħad-Dingli għal aktar minn 20 sena.

Oriġinarjament din tneħħiet fl-1999 minħabba diversi ħsarat li ġarrbet li waslu biex din tilfet il-ħoss tagħha u għalhekk ma setgħetx tibqa’ tintuża sabiex minnha jindaqqu t-tokki tas-sigħat tal-arloġġ kif ukoll issejjaħ lill-komunita’ Dinglija għall-ġabra liturġika u spiritwali.Il-kampanolgu Kenneth Cauchi qal li l-intervent li kien sar fuq il-qanpiena ma kienx ta’ suċċess.

“Fl-1999 tniżżlet ma’ 2 oħra biex tiġi rrestawrata, iżda l-intervent ma kienx wieħed li jixhed li tiġi rrestawrata”

Il-qanpiena nħadmet fl-1762 minn Aloisio Bouchut li kien mgħallem tal-bronż u serva ta’ Mastru Fonditur tal-Ordni ta’ San Ġwann fi żmien il-Gran Mastru Emmanuele Pinto de Fonseca.

Is-Sur Cauchi li kien ilu jdoqq il-qniepen fil-Knisja ta’ Ħad Dingli mindu kellu 7 snin, qal li minn dejjem jiftakarha maqsuma.

Qal li wara analiżi li saret is-sena li għaddiet, ittieħdet l-Ingilterra sabiex isirulha t-tiswijiet.

“Bil-mazza tal-arloġġ tħabbat fuq l-istess post fejn kien hemm l-ilsien iħabbat ġiet brittle u tqasmet. Din hija l-aħħar xogħol ta’ Aloisio Bouchut, u l-qanpiena kienet bżonnjuża biex tagħmel ix-xogħol ta’ qanpiena tal-arloġġ.”

Is-Sur Cauchi qal li l-qanpiena iġġorr magħha sinjifikat li jagħti sens ta’ identita’ lill-komunita’ Dinglija, għax tixhed il-qedem li għandu dan ir-raħal u turi li lura fl-1762, diġa kien hawn poplu li kien stabbilit fĦad Dingli.

Il-proġett ta’ restawr fuq din il-qanpiena  kien possibbli bil-għajnuna tal-Fond għall-Kawżi Ġusti li kopra parti mill-ispejjeż li laħqu l-€15,000.

Il-qanpiena zżanżnet mill-Arċipriet ta’ Ħad Dingli Dun Mark Mallia Pawley u l-Kampanoliġista Kenneth Cauchi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend