"Nammira fih li kellu l-kuraġġ jammetti" – Pastor Gordon-John Manchè dwar anzjan ħati b'abbuż ta' tfal | One News

Notifiki

“Nammira fih li kellu l-kuraġġ jammetti” – Pastor Gordon-John Manchè dwar anzjan ħati b’abbuż ta’ tfal

“Nammira fih li kellu l-kuraġġ jammetti… Aħfrulu u itolbu għalih u għat-tfal li ġew abbużati minnu.”

Dan kien parti mill-messaġġ tal-pastor Dr Gordon-John Manchè b’reazzjoni għall-artiklu ppubblikat minn one.com.mt b’rabta mas-sehem fl-għaqda reliġjuża River of Love tal-anzjan John Zammit li weħel tliet snin ħabs fuq abbuż ta’ minorenni.

Minkejja li one.com.mt għamel kuntatt fuq l-imejl tal-Fellowship, River of Love, u stenna jumejn għal risposta, il-mexxej ta’ din l-għaqda reliġjuża għażel li ma jirrispondix u jippubblika r-risposta tiegħu wara l-pubblikazzjoni tal-artiklu permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook. Fil-messaġġ tiegħu, Manchè qal li seta’ jirrispondi iżda li “inutli”. Qal li Zammit ma kellux irwol fl-għaqda u li meta deher fuq il-programm Ħabbejtek, mar jitkellem dwar il-Mulej.

Manchè ammetta li Zammit kien jattendi għall-attivitajiet mtellgħin mir-River of Love u qal kif dan l-aħħar kien naqqas mill-attendenza tiegħu.

Manchè rrepeta għal darba, tnejn tlieta, il-fatt li Zammit ma kienx mexxej bħalu tant li lejn l-aħħar tal-messaġġ ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex ixerrdu dan il-messaġġ.

Filwaqt li ddeplora l-aġir ta’ Zammit, kompla billi qal li kulħadd jiżbalja u li ċertu żbalji nagħmluhom għax aħna bnedmin. Spjega kif Zammit jista’ biss jinħafrulu l-iżbalji li għamel jekk jindem, fejn qal li milli sar jaf diġà għamel dan.

Il-messaġġ ta’ Manchè kompla billi qal:

“Anzi nammira fih li kellu l-kuraġġ jammetti għax hemm ħafna nies li abbużaw lit-tfal innoċenti u qatt ma ammettew.”

Semma kif filwaqt li Zammit weħel ħabs, għadd ta’ mexxejja reliġjużi oħra li abbużaw eluf ta’ tfal ma ħadux dak li kien ħaqqhom.

Manche qal ukoll lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu għal Zammit u għal dawk it-tfal li ġew abbużati minnu u biex jaħfrulu jekk weġġagħhom jew ddiżappuntahom. Kompla billi qal li wieħed dejjem għandu jżomm f’moħħu li d-dnub ta’ dan l-anzjan ma jikkundannahx aktar minn kwalunkwe dnub ieħor li “ħafna suppost Insara jagħmlu u jittolleraw f’ħajjithom.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend