Dokumentarju ta' Netflix jirrikonoxxi l-kisbiet ta' Malta fil-qasam ta' persuni Intersex | One News

Notifiki

Dokumentarju ta’ Netflix jirrikonoxxi l-kisbiet ta’ Malta fil-qasam ta’ persuni Intersex

“I was born healthy but they made me sick”

Dan kien il-messaġġ ta’ persuna Ġermaniża li twieldet ermafrodita, jiġifieri persuna li twieldet bl-organi sesswali kemm maskili u kemm femminili.

F’dokumentarju fuq Netflix Lynn jgħid li kienu l-ġenituri li għażlulu s-sess tiegħu fit-twelid. Deċiżjoni jixtieq li qatt ma ttieħdet għax spiċċa maqbud f’ġisem li mhux tiegħu.

Id-dokumentarju Follow This mtella fuq Netflix bi produzzjoni ta’ Buzzfeed jiddiskuti diversi temi bit-tielet episodju jittratta persuni Intersex.Il-ġurnalista Juliana Loffler iddiskutiet kif il-Ġermanja mistennija ssegwi l-pass li ħa l-Gvern Malti matul is-sena li għaddiet, biex jiddaħħal it-tielet ġeneru, dak ta’ Intersex.

Dan ifisser li l-Ġermanja se tressaq abbozz ta’ liġi, li jekk jittieħed vot favurih, tkun tista’ tkompli fuq il-passi ta’ Malta li twaqqaf operazzjonijiet fuq persuni li jitwieldu b’żewġ organi sesswali. Dan sabiex it-tarbija tingħata ċans tikber u tiżviluppa sakemm tilħaq l-età li fiha tkun tista’ tieħu deċiżjoni għaliha nnifisha.

Id-dokumentarju jintervista persuni intersex li qed ibatu l-konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu għalihom. Fosthom Lynn li jispjega kif ta’ sentejn sarulu seba’ operazzjonijiet. Qal li spiċċa każ ta’ riċerka tant li bosta studenti setgħu isegwuh mill-qrib u “jbagħbsuh” fih sabiex “jitgħalmu”.

F’intervista oħra omm ta’ persuna intersex, tgħid li jisgħobiha li ddeċidiet għal binha minħabba l-biżà li jispiċċa bbulljat.

L-iben, Maxi qal li l-għażla li persuna tniżżel hi l-ġeneru tagħha bħala intersex flok ta’ sess makil jew femminil, jistgħu jħossuhom parti mis-soċjetà.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Ġermaniza, Katarina Barley spjegat li wara li tidħol fis-seħħ din il-liġi, mistenni jitressaq abbozz ta’ liġi ieħor biex jitwaqqfu l-operazzjonijiet fuq persuni intersex f’età tenera. Spjegat kif persuni Intersex kienu jeżistu minn dejjem, u kien proprju fi żmien il-Ġermanja Nazista li bdew isiru l-operazzjonijiet, u issa wasal iż-żmien li jitwaqqfu.

 

Id-dokumentarju jsemmi kif Malta hu l-unika pajjiż fid-dinja li jipprojbixxi operazzjoni fuq tfal li huma intersex u li l-Ġermanja mistennija ssegwi dan il-pass li jfisser ħafna għal persuni intersex.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend