Ġimagħtejn oħra jiftaħ iċ-ċentru tas-saħħa f'Ħal Kirkop | One News

Notifiki

Ġimagħtejn oħra jiftaħ iċ-ċentru tas-saħħa f’Ħal Kirkop

Bl-għamara u l-apparat mediku installat, u bl-impjegati l-ġodda jingħataw it-taħriġ meħtieġ, għaddejjin l-aħħar tħejjijiet biex ġimagħtejn oħra, iċ-ċentru tas-saħħa l-ġdid f’Ħal Kirkop jiftaħ il-bibien tiegħu u jibda jilqa’ l-pazjenti.

Dan iċ-ċentru se jkun jista’ joffri servizz lil tmienja u għoxrin elf persuna minn tmien lokalitajiet fin-naħa t’isfel ta’ Malta li sal-lum jinqdew miċ-ċentru tas-saħħa tal-Floriana.

Fil-fatt dan se jkun l-ewwel wieħed fir-reġjun mindu bdew iċ-ċentri tas-saħħa tletin sena ilu.

ONE News żar il-binja mifruxa fuq tliet sulari fi Triq Denny Cremona, fejn il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi Carmen Ciantar spjegat ix-xogħol li intensifika fl-aħħar ġimgħat biex iċ-ċentru jkun jista’ jibda jopera.Ciantar qalet li “Barra l-kostruzzjoni, kien hemm ħafna sistemi mekkaniċi u elettriċi li health centre modern għandu bżonn bħall-air conditioning system, air changing systems, nurse calls, sistemi oħra li huma required ġo health centre post relatat mas-saħħa.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kura tas-Saħħa Primarja Roseanne Camilleri spjegat li bħalissa għaddej xogħol biex jiġu identifikati l-files tal-pazjenti kollha minn Ħal Far, Ħal Farruġ, Ħal Kirkop, Ħal Safi, Ħal Luqa, l-Imqabba, il-Qrendi u ż-Żurrieq.

Dan biex mill-Furjana jittieħdu f’Ħal Kirkop. Proċess kumpless li jirrikjedi ħafna attenzjoni – u bil-għan li tiżdied l-effiċjenza hemm pjan biex fix-xhur li ġejjin, il-kura primarja jkollha sistema elettronika bħalma hemm fl-isptarijiet.

Camilleri qalet li “Fix-xhur li ġejjin is-sena d-dieħla, Primary Health Care se jkollha l-electronic patient record allura mbagħad dan kollu se jkun iktar isir faċli għaliex id-data tal-pazjent se tiġi fir-rekord elettroniku u ma jkunx hemm bżonn ta’ files li jinġarru minn post għall-ieħor imma jkollna sitwazzjoni fejn id-data tkun tista’ tiġi aċċessata minn kull point tal-Primary Health Care.”

Iċ-ċentru l-ġdid f’Ħal Kirkop se joffri sbatax-il servizz. Servizz ta’ tabib, kamra tal-kura, kura tal-feriti, klinika tad-dijabete, tilqim tat-tfal, elettrokardjogrammi, klinika tal-konsulent mediku, kura tal-għajnejn, kura tal-għadam, saħħa tal-mara, fiżjoterapija, kura tas-saqajn, riċetti tal-mediċini, teħid tad-demm, saħħa mentali, patoloġija fil-lingwa mitkellma u saħħa tat-trabi.

Għal aktar informazzjoni se jitqassam fuljett dettaljat fid-djar tar-residenti kollha li se jaqgħu taħt iċ-ċentru ta’ Ħal Kirkop.

Spjegat li “Se jkun hemm l-informazzjoni kollha li n-nies li jaqgħu taħt il-cathment area ta’ Ħal Kirkop jistgħu jżommu bħala information leaflet u jkunu jafu eżatt xi jridu jagħmlu biex ikunu jistgħu jinqdew mill-Health Centre tagħhom.”

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li “Dan huwa Gvern li jemmen bil-fatti fis-saħħa primarja. Issa li lest iċ-ċentru tas-saħħa f’Ħal Kirkop, ix-xogħol mhux se jieqaf hawn hekk kif il-proġett li jmiss huwa l-Paola Hub f’Raħal Ġdid. Barraminnhekk qed naħdmu fuq diversi bereġ biex ikollna aktar servizzi fil-komunità. Filwaqt li fl-aħħar ġimgħat lestejna xogħol ta’ rinovar fuq il-bereġ tax-Xewkija u ta’ Ħaż-Żebbuġ, għaddej ġmielu x-xogħol fuq il-berġa ta’ Marsaxlokk. Dan kollu qed isir biex il-pazjent ikun jista’ jinqeda bl-aħjar mod possibbli fil-komunità u jkollu aċċess aktar faċli għal numru ta’ servizzi.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend