Ġimgħat wara li l-Gvern nieda inċentiv fil-pensjoni għal dawk l-anzjani li jirritornaw iċ-ċwievet tal-Housing wara li jidħlu f’xi home, din il-gazzetta hi infurmata li r-rispons kien pożittiv tant li filwaqt li ħafna stħarrġu dwar il-possibbiltà bdew deħlin ukoll l-ewwel ċwievet.
Kelliem għas-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali kkonferma mal-KullĦadd li f’dawn il-ġimgħat daħlu ħames postijiet li issa qed jiġu allokati lil dawk fil-bżonn ta’ akkomodazzjoni soċjali.
L-iskema tara li jekk anzjan għandu post tal-gvern u daħal f’residenza tal-anzjani, issa jista’ jiggwadanja 20% aktar tal-pensjoni jekk jirritorna lura ċ-ċwievet tal-post lill-Awtorità tad-Djar. B’hekk, dan l-inċentiv qed iħalli impatt pożittiv kemm fuq l-anzjani personali li qed iħallilhom aktar flus fil-but, kif ukoll għallpajjiż li qed jirkupra postijiet li mhux qed jiġu użati tal-Awtorità tad-Djar.
Il-miżura tal-inċentiv volontarju tapplika għal dawk l-anzjani kollha li qegħdin, jew se jidħlu fil-futur, f’San Vinċenz De Paul, kif ukoll fi djar tal-anzjani privati kif ukoll tal-knisja li qegħdin taħt Public Private Partnership (PPP) mal-Gvern. Mitlub jikkummenta dwar din l-inizjattiva, is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li din hi miżura volontarja li ssib interess komuni u fl-istess ħin bilanċ.
“Fuq naħa qed nassiguraw illi r-riżorsi pubbliċi jintużaw minn min huwa l-aktar filbżonn. Dawk li fl-imgħoddi sabu l-għajnuna tal-Gvern u issa ħarġu minnu ħabba l-età, jistgħu jgħinu lill-familji tallum li għandhom bżonn l-istess għajnuna li kellhom bżonn huma snin ilu. Min-naħa l-oħra, b’din l-iskema volontarja qed nibqgħu sensittivi lejn il-bżonnijiet tal-anzjani tagħna meta jkunu kibru, u d-deċiżjoni finali jaċċettawx dan l-inċentiv tibqa’ tagħhom,” qal Galdes. “Kemm bħala Segretarju Parlamentari iżda wkoll bħala taxpayer, għalija hu fundamentali li r-riżorsi jmorru għand min hu l-aktar fil-bżonn. Nemmen li l-aħjar mod li bih irridu nilħqu dan l-għan soċjali, huwa b’attitudni u b’politika ta’ inċentiv u mhux billi nimponu jew immexxu b’id tal-ħadid. Il-fatt li deħlin iċ-ċwievet turi li din il-politika qed taħdem,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Bħalissa, rappreżentanti tal-Awtorità tad-Djar qed iżuru huma stess diversi djar tal-anzjani biex iwasslu aktar informazzjoni u jirrispondu kwalunkwe domanda li jkollhom l-anzjani.