Magħrufa r-rebbieħa tal-Għanja tal-Poplu | One News

Notifiki

Magħrufa r-rebbieħa tal-Għanja tal-Poplu

Il-kanzunetta rebbieħa tal-Għanja tal-Poplu 2018 li sar f’Pjazza Teatru Rjal hija ‘Mhux Kulma Jleqq Deheb’, kantata minn Michela Galea, kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Renato Briffa.

Michela Galea tfakkar li l-affarijiet li jidhru sbieħ b’ħafna tlellix warajhom jaf ikollhom realtà differenti minn dik li wieħed jara. Tenfasiżża wkoll li sabiex tirnexxi, trid tgħaddas rasek u taħdem sa ma’ tasal fejn verament tixtieq.

Il-kanzunetta ‘Mhux Kif Ħsibt’ interpretata minn Dwett, bi kliem ta’ Giovann Attard u mużika ta’ Pamela Bezzina u Alex Debono, ġiet fit-tieni post. Il-kanzunetta tirrefletti dwar kif maż-żmien l-idea ta’ lil min tħobb, taf tinbidel u tkun differenti għal kollox minn dak li wieħed ikun bena.

Fit-tielet post ġiet il-kanzunetta ‘Allura’ b’kitba ta’ Joe Chircop u mużika u interpretazzjoni ta’ Philip Vella.

Diska li titkellem fuq il-karattru ġewwieni ta’ ħafna mill-Maltin, li jħobbu jaraw kif iduru ma’ kull sitwazzjoni billi jaċċettaw li xejn m’hu xejn, sabiex fl-istess ħin jakkwistaw xi ħaġa. Il-kanzunetta ħadet ukoll il-premju tal-aħjar rikording permezz ta’ Philip Vella Studios.

Il-premju għall-interpretazzjoni intrebaħ minn Monica Said li kantat il-kanzunetta ‘Anamika’ fuq kliem tagħha stess u mużika ta’ Conrad Dimech u Michael Camilleri – kanzunetta ddedikata għan-neputija tagħha li ġiet addottata s-sena li għaddiet mill-Indja.

Il-kanzunetta ‘Nistenniek’, bi kliem u mużika ta’ Corazón Mizzi u interpretata minn Charlene, rebħet il-premju tal-iktar kanzunetta oriġinali.

Diska li titkellem dwar ġenerazzjoni sħiħa ta’ tfal li qed iqattgħu l-isbaħ żmien ta’ tfulithom medhijin fil-‘logħob u t-televixin’ jixxenqu għall-attenzjoni, l-imħabba u l-kura tal-ġenituri tagħhom.

Intant il-premju tal-aħjar kantawtur intrebaħ minn JAMM Band bil-kanzunetta “Ħadd Ma Jaf Xi Jrid”, dwar il-fatt li s-soċjetà ta’ llum qed issir dejjem aktar materjalista aktar ma’ jgħaddi ż-żmien.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend