BIL-FILMAT: Iktar inkwiet għal Delia bl-istħarriġ tal-MT – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Iktar inkwiet għal Delia bl-istħarriġ tal-MT

L-istħarriġ tal-opinjoni pubblika tal-MaltaToday baqa’ juri l-ikbar differenza fl-istorja bejn iż-żewġ partiti politiċi ewlenin, bil-Partit Laburista jikseb l-appoġġ ta’ 47.4% ta’ dawk li ddikjaraw il-vot tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista kiseb 24.8% u 16.3% iddikjaraw li mhux se jivvotaw.  Dan it-tip ta’ riżultat jagħti vantaġġ lill-Partit Laburista li jiżboq id-disgħin elf vot.

Dan huwa kważi ripetizzjoni tar-riżultat li kien ħareġ ix-xahar li għadda ftit wara li kienet ippubblikata l-inkjesta Egrant. Dakinhar kienet ċara kienet id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru, Joseph Muscat, li ddikjara kif din hi stampa li tixhed biss mument.

Esponenti oħra tal-gvern u l-Partit Laburista sostnew li wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-elezzjonijiet nazzjonali jkunu miftuħin ħafna aktar u allura wieħed irid jieħu s-survey tal-MaltaToday f’kuntest aktar ħolistiku ta’ elezzjonijiet tal-parlament ewropew li ġejjin fi żmien sena.

Kien emfasizzat li sitwazzjoni nazzjonali tkun differenti minn hawn u żmien sena oħra u għalhekk wieħed għandu jżomm saqajh mal-art.

Intant, il-Prim Ministru baqa’ fdat mill-maġġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxin. Tant li 53.5% iddikjaraw li jafdaw lill-Prim Ministru u 17.9% biss qalu li jafdaw lil Adrian Delia. Din hi xi ħaġa konsistenti kemm qabel l-inkjesta Egrant u kemm wara, hekk kif Delia baqa’ ma’ qabadx art f’dak li hu magħruf bħala trust barometer.

Filwaqt li kważi dawk kollha li fl-aħħar elezzjoni vvotaw lill-Partit Laburista jafdaw lill-Joseph Muscat, huma inqas minn nofs dawk li vvotaw lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali li jafdaw lil Adrian Delia.

Fil-fatt hemm iktar nazzjonalisti li ma jafdawx lil Adrian Delia milli jafdawh.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend