43% inqas fuq dipendenza soċjali – One News

Notifiki

43% inqas fuq dipendenza soċjali

Il-figuri tal-persuni fuq il-benefiċċji soċjali baqgħu neżlin b’mod konsistenti kull xahar minkejja li aktar minn 1,200 persuna li bdew jieħdu t-tapering tal-benefiċċji bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-aħħar ta’ Lulju 2015 skadewlhom it-tliet snin li fuqhom huwa bbażat it-tapering.

It-tapering kienet sistema fejn sakemm wieħed jaħdem jibqa’ jieħu l-benefiċċji għall-perjodu ta’ żmien u l-fatt li n-numru baqa’ nieżel juri li dawk li daħlu fid-dinja tax-xogħol baqgħu hemm u ma waqgħux lura fuq id-dipendenza soċjali. Il-persuni fuq l-Għajnuna Soċjali inklużi ommijiet mhux miżżewġa minn 9,775 f ’Diċembru 2012 niżlu għal 7,142 f ’Lulju 2018. B’kollox allura niżlu b’26.9%. Il-persuni fuq l-Għajnuna Soċjali għal Diżimpjieg minn 4,174 f ’Diċembru 2012 niżlu għal 798 f ’Lulju 2018.

B’kollox allura niżlu b’80.9%. Bħala total, il-persuni kollha fuq l-Għajnuna Soċjali minn 13,949 f ’Diċembru 2012 niżlu għal 7,940 f ’Lulju 2018. B’kollox allura niżlu b’43.1%. Issa ilna għal diversi xhur bl-anqas numru li qatt kellna ta’ persuni fuq l-Għajnuna Soċjali u dan ta’ Lulju 2018 huwa rekord ġdid meta n-numru niżel għall-ewwel darba taħt it-8,000.

Is-suċċess tat-tapering jirriżulta wkoll mill-fatt li qed jinkisbu kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol u benefiċċji oħra fosthom l-In-Work Benefit li qed iwassal biex ikun jaqbillek ferm aktar li taħdem milli li tgħix fuq il-benefiċċji soċjali. Barra minn hekk dawn il-persuni, jekk ikomplu jaħdmu u jħallsu l-bolla, meta fil-futur jilħqu l-età tal-irtirar ikollhom dritt għall-pensjoni kontributorja, li f ’każ ta’ koppja tkun tfisser pensjoni kemm għarraġel u kemm għall-mara.

Dawn huma miżuri li qed inaqqsu l-faqar tal-lum u jipprevienu l-faqar fil-futur. Mitlub jikkummenta dwar dawn iċ-ċifri l-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon qal: “Ħames snin ilu l-poplu emmen b’fiduċja kbira, li direzzjoni ġdida fit-tmun tal-pajjiż se tfisser passi kbar ’il quddiem, kemm b’mod individwali iżda anke fuq livell ta’ pajjiż. Illum, dan ilpass mhux biss ingħata l-approvazzjoni, illum in-nies qed igawdu mill-ġid kbir li nħoloq.”

Irrefera għall-kliem tal-Prim Ministru Joseph Muscat li ħaddieħor jibgħat il-kontijiet u aħna nibagħtu ċ-ċekkijiet u tkellem dwar inizjattiva oħra li ttieħdet fl-aħħar jiem. “Kliem li fi ftit xhur inbidel f ’realtà hekk kif 200,000 ħaddiem se jibdew jirċievu ċekk f ’rifużjoni tat-taxxa, li jfissru €11.4 miljun fil-but tal-Maltin u l-Għawdxin.”

Dan huwa possibbli għax għandna ekonomija b’saħħitha, u poplu bieżel, li għaraf li jekk jipparteċipa bissħiħ fid-dinja tax-xogħol jista’ javvanza. Fil-fatt, dan tixhdu l-istatistika, fejn persuni fuq il-benefiċċji soċjali baqgħu neżlin b’mod konsistenti kull xahar, minkejja li aktar persuni baqgħu jieħdu t-tapering tal-benefiċċji sakemm jiskadulhom it-tliet snin li fuqhom tinħadem din l-iskema,” qal Falzon.

Falzon temm jgħid li dan huwa gvern li jemmen bissħiħ fil-potenzjal tal-poplu Malti u Għawdxi. Huwa Gvern li se jkompli jippremja l-bżulija biex verament Malta tkompli tkun l-għira tad-dinja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend