Minn rappreżentant tar-River of Love għall-ħabs fuq abbuż ta' minorenni | One News

Notifiki

Minn rappreżentant tar-River of Love għall-ħabs fuq abbuż ta’ minorenni

John Zammit ta’ 70 sena, li aktar kmieni din il-ġimgħa ntbagħat tliet snin ħabs fuq abbuż ta’ minorenni, kien membru attiv fl-għaqda reliġjuża River of Love.

Dan hekk kif minn jippriedka b’wiċċu minn quddiem it-twemmin tiegħu bħala Kristjan, l-anzjan kien ukoll pastizzar joffri l-ikel u l-flus għal atti sesswali ma’ tfal taħt l-età.

Minkejja li għandu biss identità waħda, Zammit kellu żewġt uċuħ.Kien qarrej ta’ one.com.mt li ġibed l-attenzjoni ta’ dan is-sit hekk kif Zammit, filwaqt li kien jattendi għal attivitajiet mtellgħin mill-għaqda Kristjana, kien saħansitra deher ukoll fuq it-televiżjoni bħala rappreżentant tal-istess għaqda waqt programm reliġjuż bl-isem Ħabbejtek.

Iżda dan kien biss wiċċ wieħed tal-anzjan, għax waqt xogħlu bħala pastizzar, kien qed jgħix ħajja ferm differenti minn dik li kienet tiġi mgħallma lilu waqt il-laqgħat.

Kien proprju din il-ġimgħa li ħareġ fil-beraħ il-każ li kien jinvolvi lil Zammit u żewġ subien ta’ 15-il sena fejn l-anzjan ammetta u ġie kkundannat tliet snin ħabs. Zammit ġie akkużat li fi Frar u fix-xhur u snin ta’ qabel, kien involut f’atti sesswali ma’ żewġ subien taħt l-età u għall-att hu kien jagħtihom ikel jew xi flus.

Hu ammetta wkoll li minbarra dawn iż-żewġ subien, kien hemm tnejn oħra ta’ 16-il sena iżda dwar dawn ma setgħu jittieħdu ebda passi hekk kif il-liġi tgħid li persuni ta’ 16-il sena jistgħu jagħtu l-kunsens tagħhom.

River of Love hi għaqda Kristjana li kemm-il darba spiċċat f’nofs kontroversja, fosthom allegazzjonijiet relatati ma’ terapija tal-konverżjoni ta’ persuni gay.

Intant one.com.mt ipprova jieħu reazzjoni ta’ Pastor John Manche li jmexxi l-għaqda Kristjana River of Love. Madankollu d-domandi tagħna baqgħu mhux mwieġba.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend