Il-Gvern b'nefqa ta' €30 miljun fuq mediċini | One News

Notifiki

Il-Gvern b’nefqa ta’ €30 miljun fuq mediċini

 

Fl-elfejn u tmintax, l-ispiża tal-Gvern fuq il-mediċini mistennija tilħaq it-tletin miljun ewro. Żieda ta’ sitt miljuni meta mqabbel ma’ sentejn ilu, u tmintax-il miljun ewro iżjed mill-elfejn u għaxra.

Ċifri li ONE News kiseb mingħand il-Kap Eżekuttiv tal-POYC Celia Falzon, li spjegat kif l-ispiża tvarja għaliex filwaqt li jiżdiedu l-pazjenti, jiddaħħlu wkoll mediċini ġodda u avvanzati fis-suq.

Spjegat li ħafna mill-mediċini ma jiswewx flus kbar, iżda jtellgħu l-ispiża għax jeħduhom ħafna pazjenti. Imbagħad hemm mediċini li jiswew ferm iżjed u li jeħduhom pazjenti b’mard serju.

Falzon qalet li “Għandna mediċina minnhom li pazjent wieħed ikun hemm nefqa ta’ mad-disat elef ewro fuq dik il-mediċina biss għal pazjent wieħed u jkolna mijiet minnhom dal-pazjenti. Normalment ikollhom vera kundizzjonijiet serji u Allaħares ma jkolniex budges u flus biex nixtru dawn il-mediċini ħa ntaffulhom il-kwalità tal-ħajja tagħhom.” Fost il-mediċini ġodda li ġew introdotti fl-iskema din is-sena, kien hemm dawk għal pazjenti bid-dijabete – inkluż meters u sticks. Kien hemm ukoll mediċini tal-onkoloġija li l-ispiża fuqhom tlaħħaq it-tliet miljun ewro.

Biż-żieda fl-ispiża u iżjed mediċini fis-suq, issolviet il-problema tal-out-of-stock. Pjaga li ġiet indirizzata fil-leġiżlatura li għaddiet meta d-Dipartiment responsabbli mix-xiri tal-mediċini biddel il-proċeduri ta’ kif isir il-moniteraġġ b’mod li jassigura li l-imħażen fejn jinżammu l-mediċini jkollhom stokk li jlaħħaq mad-domanda.

Iżda għaliex tinħoloq il-problema tal-out-of-stock?

Spjegat kif “Ġeneralment l-iktar li tinħoloq hija minħabba problemi fis-suq. Jew għax mediċina fis-suq internazzjonali ma tkunx qed tinstab allura nbatu biex nixtruha, ġieli jkolna kunsinja li kellha tidħol min ikun qed ifornina bil-mediċina u ma tasalx fil-ħin imbagħad aħna nużaw il-mediċina u jaf ikollok problema ta’ out-of-stock.”

Il-POYC tagħmel mal-elf ordni fix-xahar, biex f’madwar erba’ mitt vjaġġ fil-ġimgħa twassal il-mediċini għand l-ispiżeriji.

Huma mija u ħamsin elf il-pazjenti intitolati għall-mediċini b’xejn – b’mija u sebgħa u tletin elf minnhom jiġbruhom b’mod regolari.

Fl-imħażen tal-POYC f’Gwardamangia, is-Sinjura Falzon fakkret fil-privileġġ li għandhom il-pazjenti Maltin u Għawdxin li jistgħu jieħdu l-mediċina b’xejn, u appellat biex dan id-dritt jintuża sew u b’kawtela – għaliex inqas ma jkun hemm ħela, iżjed ikun hemm flus x’jintefqu fuq mediċini ġodda.

Għaldaqstant saħqet biex jekk hemm pazjenti li m’għandhomx bżonn ċertu mediċini, ma jiġbruhomx.

Qalet li “Id-dritt tiegħek li terġa’ teħodha jekk tiġi bżonnha jekk it-tabib jagħmillek ir-riċetta, se jibqa’ hemm. In-nies m’għandhomx għalfejn jinkwetaw li għal xi raġuni jew oħra ma jibqgħux jieħdu dik il-mediċina imma li nieħdu mediċina mingħand l-ispiżjar biex inħalluha fuq xi xkaffa x’imkien ma tagħmel l-ebda sens għal ħadd.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend