Rebħa oħra għal Valletta FC Futsal fil-Maċedonja | One News

Notifiki

Rebħa oħra għal Valletta FC Futsal fil-Maċedonja

Rebħa oħra tajba għal Valletta FC Futsal, meta għelbu lit-tim Irlandiż ta’ Futsamba Naas bl-iskor ta’ 5-0 fit-tieni loghba minn Grupp E tar-rawnd preliminari tal-UEFA Futsal Champions League.

Valletta għal darb’oħra marru kmieni fil-vantaġġ, preċiżament fit-tielet minuta u reġa’ kien Murtaz Kakabadze b’xutt mid-distanza. Ħames minuti wara kien it-Taljan Denis Di Maio li rdoppja l-iskor u minuta biss wara Ninoslav Aleksic għamilhom 3-0.

Fit-tieni taqsima l-Beltin komplew iżidu aktar gowls, b’kontrattakk ta’ Camillo Gomez fis-27 minuta. Fit-38 minuta Aleksic b’xutt fil-baxx issiġilla doppjetta personali u għamel l-iskor finali 5-0 għall-Beltin.

Din ir-rebħa filwaqt li tkompli timla lill-Beltin bl-entużjażmu, titlob minnhom aktar attenzjoni u determinazzjoni, hekk kif ghada jaffrontaw lit-tim ospitant ta’ Veles. Veles bħal Valletta rebħu wkoll l-ewwel żewġ logħbiet tagħhom u għalhekk xi ħadd minnhom irid joħroġ rebbieħ u jgħaddi għar-rawnd li jmiss.

Valletta kontra Veles tibda fit-8:00pm fil-Jane Sandanski Arena ta’ Skopje, fil-Maċedonja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend