Opportunità li taħdem fil-qrib ta' oġġetti kulturali | One News

Notifiki

Opportunità li taħdem fil-qrib ta’ oġġetti kulturali

Mhix xi ħaġa ta’ kuljum li ssib ruħek taħdem fuq oġġetti arkeoloġiċi jew fuq inventarji nazzjonali, inkella li tersaq qrib ta’ pitturi prestiġġjużi ta’ artisti famużi jew li tmiss skeletri li jgħoddu l-eluf tas-snin jew xi speċi tal-istorja naturali. Madanakollu din hi r-realtà għal grupp ta’ studenti u voluntiera li bħalissa qed jieħdu esperjenza ta’ xogħol ma’ Heritage Malta.

Kollaborazzjoni bejn Heritage Malta u l-MCAST qiegħda tagħti l-opportunità lil diversi studenti li jiksbu aktar tagħrif u li jitgħallmu ħiliet ġodda billi jaħdmu f’numru ta’ mużewijiet u siti. Fil-fatt, matul dawn l-aħħar xhur, grupp ta’ sebgħa studenti li qed jattendu l-kors tal-MCAST Advanced Diploma in Cultural Heritage Skills, qegħdin jiksbu esperjenza siewja billi jagħtu daqqa t’id f’diversi oqsma, fosthom: katalogar ta’ kollezzjonijiet u tindif tal-fuħħar fil-Palazz tal-Inkwiżitur, assistenza lill-konservaturi fuq restawr ta’ kwadri fil-Laboratorji tal-Konservazzjoni f’Bighi, diġitizzazjoni ta’ ritratti antiki fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, organizzazzjoni tal-maħżen tal-kollezzjonijiet riservati tal-arkeoloġija, u parteċipazzjoni fl-armar u ż-żarmar ta’ esebizzjonijiet temporanji.

Dan il-grupp huwa akkumpanjat ukoll minn żewġ studenti oħra voluntiera li qed jagħtu l-kontribut tagħhom fil-Mużew tal-Arkeoloġija Nazzjonali. L-istudenti kollha faħħru din l-opportunità li pprovdiethom bil-mezzi biex jifhmu aħjar ir-rikkezza u l-valur ta’ dawn l-artifatti nazzjonali u l-miżuri li qed jittieħdu sabiex dawn jiġu protetti għall-ġenerazzjonijiet futuri.

“Kull min għandu apprezzament għall-kultura huwa mistieden biex jassisti f’dan ix-xogħol bla tmiem li jeħtieġ isir fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija,” spjegat Sharon Sultana, il-Kuratriċi Prinċipali. “B’għajnuna bħal din, Heritage Malta qed tippjana li testendi l-medda ta’ servizzi tagħha ħalli b’hekk tkun tista’ tipprovdi valur miżjud lill-pubbliku. Min-naħa l-oħra, kull min jipparteċipa se jgawdi minn esperjenza unika f’ħajtu.”

Voluntiera interessati jistgħu japplikaw billi jibgħatu email fuq [email protected] Aktar informazzjoni dwar l-MCAST Advanced Diploma in Cultural Heritage Skills tinsab fuq: http://mcast.edu.mt:8223/rfm/source/Prospectus/Prospectus_2018/index.html#p=124

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend