Fil-Qorti: Battibekk ikkulurit bejn żewġ nisa | One News

Notifiki

Fil-Qorti: Battibekk ikkulurit bejn żewġ nisa

Il-Qorti ordnat garanzija ta’ 6 xhur fuq Sandra Scerri biex ma tavviċinax u wisq anqas ma tkellem lil Annunzjata Farrugia. Scerri tresqet il-Qorti akkużata li kisret il-buon ordni fil-Ħamrun meta fit-2 ta’ Jannar ta’ din is-sena, hija kienet involuta f’żewġ argumenti jaħarqu ma’ Annunzjata Farrugia. Fil-Qorti ingħad li jiem qabel ma seħħ il-każ, Annunzjata Farrugia siefret Napli mas-sieħeb tagħha u malli ġiet lura d-dar sabet xi affarijiet neqsin fosthom ħwejjeġ flus, karti tal-kreditu kif ukoll iċ-ċekk tal-benefiċċji soċjali tat-tfal.

Malli ntebħet b’dan, Annunzjata Farrugia għamlet rapport l-għassa l-Ħamrun fejn wara x’ħin marret għall-karozza tagħha, din iltaqgħet mal-akkużata u hemmhekk seħħ l-ewwel argument.

Minkejja li fil-karozza ma’ Annunzjata kien hemm zewġ persuni oħra, malli din rikbet fil-vettura, Sandra Scerri allegatament fajritilha daqqa ta’ ponn f’għajnejha. In-nisa ġew mferqa miz-zewġ persuni li kienu fil-karozza ta’ Annunzjata Farrugia bil-għajnuna tal-pulizija mill-Għassa tal-Ħamrun fejn ħaduhom hemm.

Kien f’dan il-mument li allegatament reġa’ nqala’ argument ieħor bejn iż-żewġ nisa. Sorsi qrib ONE NEWS qalu li minkejja li allegatament Sandra Scerri fajret daqqa ta’ ponn f’għajnejn Annunzjata Farrugia, din tal-aħħar suppost kellha tippreżenta ċertifikat mediku fl-Għassa tal-Ħamrun iżda għal xi raġuni ppreżentatu fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid u għalhekk mid-distrett tal-Ħamrun ma setgħux jakkużaw lil Sandra Scerri bi vjolenza.

Waqt is-smiegħ tal-kawża quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, inqalgħat kommosjoni fl-awla mimlija avukati dan hekk kif malli Annunzjata Farrugia telgħet tixhed, Sandra Scerri pronta pronta bdiet tweġibha bit-tgħajjir u kliem ħażin ġol awla, bl-iskuża li kienet qed titkellem b’Malti pur.

Dan ma kienx l-ewwel incident li nqala bejn iż-żewġ nisa’ fil-Qorti, dan hekk kif kmieni dalgħodu meta l-awli kienu għadhom anqas biss infetħu, malli Sandra Scerri u Annunzjata Farrugia lemħu lil xulxin infexxew jgħajru lil xulxin b’għajjat u kliem ħażin- fejn saħansitra dawn it-tnejn ġew imwiddba mill-pulizija- b’waħda twaħħal fl-oħra. Mingħajr ebda tlaqlieq Sandra Scerri kemm-il darba provat tisfida lill-pulizija b’difrejha ħodor u twal ippuntat lejn wiċċhom tgħajjat magħhom, kien hemm ħin fejn minkejja t-twissijiet tal-pulizija biex iġġib ruħha din baqgħet tagħmel ta’ rasha u affrontathom b’wiċċha ma wiċċhom fejn hemmhekk hija provat tagħmel l-arja magħhom. Madankollu minkejja dan kollu, l-pulizija bl-aktar mod professjonali irnexxielhom jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend