ARA: Nirien kbar jaħkmu żona fil-Magħtab | One News

Notifiki

ARA: Nirien kbar jaħkmu żona fil-Magħtab

Kmieni l-Ġimgħa filgħodu l-Magħtab inkesa għalkollox minn sħaba ta’ dħaħen suwed. Dan kawża ta’ nirien li tkebbsu għall-ħabta tal-erba’ ta’ filgħodu f’żona żgħira fl-impjant tal-Magħtab fejn kien qed jinħażen materjal magħruf bħala RDF qabel jiġi esportat. F’kemm trodd salib, is-smewwiet fuq il-Magħtab swiedu waqt li b’mod immedjat bdiet ħidma kbira mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jintfew in-nirien permezz ta’ vetturi tat-tifi tan-nar minn għadd ta’ stazzjonijiet.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv responsabbli mill-impjant spjega l-kawża tan-nirien fejn ġie determinat li materjal li kien qed jistenna li jiġi esportat ħa n-nar permezz ta’ spontaneous combustion. Is-Sur Montebello spjega li l-materjal kien qed jinżamm ġo ċellola fil-konfini tal-impjant tal-Magħtab sakemm inħarġu l-permessi meħtieġa sabiex ikun jista’ jiġi esportat lejn il-Portugall. Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera qal li bl-investiment li jsir ġol-faċilità tal-Waste-to-Energy dan il-materjal se jibda jiġi ttrattat b’mod immedjat.

Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila spjega kif mal-ewwel rapporti tan-nirien intbagħtu għaxar vetturi tat-tifi tan-nar flimkien ma tletin pumpier u numru ta’ uffiċjali sabiex tibda l-operazzjoni delikata tat-tifi tan-nar, li għaliha ntużaw madwar mija u erbgħin elf kubu ta’ ilma.

Minħabba l-kobor tan-nirien, numru ta’ volontiera tal-Protezzjoni Civili flimkien ma’ membri mis-St John Rescue Corps issejħu wkoll sabiex jassistu. L-operazzjoni tat-tifi tan-nar involviet ukoll numru ta’ trakkijiet tal-kostruzzjoni li bdew jgħorblu t-terrapien fuq il-balal tal-iskart sabiex jaqtgħu l-arja lin-nirien. Fuq il-post kien hemm ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei sabiex jassisti lill-ħaddiema tat-tifi tan-nar f’każ ta’ inċident.

Minħabba li l-RDF huwa materjal b’riskju għoli li jaqbad, il-Wasteserv ħasbet minn qabel għal prekawzjonijiet kollha biex f’każ ta’ inċident, in-nar ikun jista’ jiġi kkontrollat fl-inqas ħin.

Kawża tad-dħaħen li żviluppaw waqt l-operazzjoni l-Protezzjoni Ċivili avża lir-residenti tan-Naxxar kif ukoll dawk fil-viċinanzi sabiex jzommu t-twieqi magħluqa. Id-dipartiment tas-saħħa avża wkoll li persuni li jbatu minn mard tal-qalb jew tal-pulmun, u persuni li jbatu bl-ażma biex ma jersqux lejn iż-żona.

Intant, b’rabta ma’ dan il-każ l-ERA qalet li fil-jiem li ġejjin se t tikkummissjoni studju minn esperti internazzjonali sabiex jiġu spezzjonati l-uċuh tar-raba li hemm fl-inħawi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend