L-ewwel grupp ta' immigranti tal-MV Aquarius jitlaq lejn Franza | One News

Notifiki

L-ewwel grupp ta’ immigranti tal-MV Aquarius jitlaq lejn Franza

L-ewwel grupp ta’ immigranti li ddaħħlu f’pajjiżna abbord il-bastiment MV Aquarius f’nhar Santa Marija, ħalla Malta lejn Franza.

Fil-ħmistax t’Awwissu, ix-Xatt tal-Isla laqa’ vapur li żbarka mija u wieħed u erbgħin immigrant – sebgħa u disgħin raġel u erbgħa u erbgħin mara fosthom tnejn tqal.

Dawn ġew salvati waqt li l-MV Aquarius kien qed ibaħħar fl-inħawi tal-Libja, it-Tuneżija u Lampedusa.

Minkejja li ma kellu l-ebda obbligu legali, il-Gvern Malti offra li pajjiżna jservi ta’ bażi loġistika għall-iżbark tal-immigranti bi qbil li jitqassmu f’sitt pajjiżi Ewropej li aċċettaw dan l-arranġament volontarju. Il-pajjiżi huma Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, Spanja, il-Portugall u l-Italja.

L-immigranti kienu assistiti mill-Awtoritajiet tal-Uffiċċju Internazzjonali tal-Immigrazzjoni, awtoritajiet lokali, uffiċjali mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Franċiż, u awtoritajiet mill-Ambaxxata għal Franza f’pajjiżna.

Id-deputat ambaxxatriċi għal Franza Vanessa Salas Pouget qalet li din ir-rilokazzjoni tirrappreżenta eżempju ċar ta’ kif is-solidarjetà Ewropea tista’ tikseb riżultati malajr biex issolvi kriżijiet umanitarji.

Fi stqarija, il-Gvern qal li dan il-ftehim jinkludi wkoll qbil li dawn is-sitt pajjiżi jieħdu sittin mill-mija u erbatax-il immigrant li salvaw il-Forzi Armati ta’ Malta jumejn qabel fit-tlettax ta’ Awwissu.

Din hija t-tieni darba li sar qbil dwar mekkaniżmu volontarju ta’ solidarjetà relatat mal-kriżi tal-immigrazzjoni. Il-pajjiżi kollha b’eċċezzjoni ta’ wieħed onoraw il-wegħda li għamlu li jieħdu l-immigranti skont il-ftehim maqbul.

Qbil li fuq Twitter, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva bħala xhieda ta’ alleanza progressiva li tħalli l-frott..

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend