Kumpanija tal-Blockchain se tmexxi l-kwartieri għal Malta | One News

Notifiki

Kumpanija tal-Blockchain se tmexxi l-kwartieri għal Malta

Il-kumpanija Krypton Capital li ilha topera fl-oqsma tal-blockchain u l-cryptocurrecy sa mill-2007, ħabbret li se tmexxi l-kwartieri tagħha għal Malta.

L-aħbar ingħata fuq is-sit awtorevoli Cryptovest li rrapporta li l-Kumpanija li bħalissa għandha l-kwartieri tagħha fi Kiev fl-Ukrajna se tmexxi l-kwartieri tagħha għal Malta.Il-kumpanija għandha investimenti estensivi f’bosta industriji, fosthom fil-midja, żvilupp ta’ software u kumpaniji fil-qasam tal-crypto u l-blockchain.

Krypton Capital qalet li Malta huwa l-pajjiż ideali biex tkompli tespandi l-investiment tagħha.

Fl-aħħar xhur, il-Gvern għadda mill-Parlament tliet liġijiet li jirregolaw l-oqsma tal-muniti diġitali u tal-cryptocurrenty li poġġew lil Malta qabel ġganti ekonomiċi u pijunieri fl-innovazzjoni bħall-Ġappun, l-Izvizzera, l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Isfel.

Ingħad li l-liġijiet fosthom l-Att dwar l-Awtorità tal-Innovazzjoni se jiffaċilitaw l-industrija tal-blockchain waqt li pajjiżna jista’ jkun ideali biex il-kumpanija tkompli tespandi l-operat tagħha.

Is-sit irrapporta wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin membri tal-eżekuttiv tal-kumpanija Krypton Capital mistennija jiġu Malta biex isibu bini adekwat minn fejn se joperaw.

Il-Fundatur u l-Kap eżekuttiv ta’ Krypton Capital saħaq ma’ Cryptovest li l-ambjent regolatorju f’pajjiżna jappoġġja l-innovazzjoni fit-teknoloġija blockchain u li dan jagħmel minn Malta l-post ideali għall-kumpanija Krypton Capital.

Intant fil-ġimgħat li ġejjin l-Awtorità mistenni toħroġ l-ewwel sett ta’ regoli għall-konsultazzjoni pubblika biex sal-aħħar tas-sena jibdew joħorġu l-ewwel liċenziji għall-kumpaniji fil-qasam tal-crypocurrency.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend