FILMAT: "Meta qaluli qabbillu waħda lil Sant" – Ġorġ l-Għannej tal-Mulej | One News

Notifiki

FILMAT: “Meta qaluli qabbillu waħda lil Sant” – Ġorġ l-Għannej tal-Mulej

“Għalija mhux ħa nieħu fastidju għax jgħidu li jżidulek l-għomor. Issa ġara li llejla se nidher fuq it-televixin u jkunu jafu li ma mietx Ġorġ.”

Din kienet ir-reazzjoni ta’ George Agius – jew kif inhu magħruf ma’ kulħadd bħala Ġorġ tal-Mużew u Ġorġ l-Għannej tal-Mulej; fl-isfond tax-xniegħa li ħalla din id-dinja matul il-lejl.

Ġorġ tal-Mużew jinsab qawwi u sħiħ fis-sala San Ġużepp fir-Residenza San Vinċenz de Paule, wara li fl-aħħar jiem kien qed jingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei. L-istess Sptar li fih qatta’ sigħat twal ta’ kuljum ifarraġ lill-morda.

George qal “Ġabuni lbieraħ filgħaxija hawn emminni ma ħadtx nifs man-nies ġejjin il-ħin kollu jgħidu hawn Ġorġ ta’ fejn u jiġu jsaqsu.” Minkejja li għandu tnejn u disgħin sena, daqslikieku għadu fi fjur żogħżitu, Ġorġ jinsab entużjast li jwassal messaġġi ta’ għaqda u mħabba lil ta’ madwaru.

Qal “Uża dejjem il-paċenzja, tgħix fil-kwiet u qatt ma tagħli. Meta jkollok kwistjoni ma’ xi ħadd, jekk ittawwalha titwal, jekk tqassarha tiqsar, u tmur bil-kwiet lejn id-dar imbagħad tiekol u torqod aħjar filgħaxija u f’nofsinhar u l-għada aktar tara ċar jekk ma jkunx iċ-ċpar.”

George ħadna lura f’episodju partikolari meta kellu għoxrin sena. Darba fost l-oħrajn kien Għawdex, niżel qabel ma l-vapur kien sorġa mal-moll, u nqabditlu l-għaksa mal-ħadid. Inċident li wasslu biex qatta’ erbat’ijiem l-isptar.

Kemm dam hemm, għalkemm muġugħ, kien joqgħod iqabbel biex iferraħ lil dawk li kienu fis-sala miegħu. Xi ħaġa li kienet tnissel tbissima fuq fomm il-pazjenti, u tinżel għasel ma’ qrabathom. Għalhekk iddeċieda li ssir xi ħaġa ta’ kuljum u ddedika ħajtu biex iżur lill-morda fl-isptarijiet.

Vjaġġ li wasslu biex fis-snin li għaddew ingħata ġieħ ir-Repubblika, u bi tbissima fuq fommu jirrakonta meta kien f’sala grandjuża bilqiegħda biswit il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Alfred Sant.

 

“Konna ħafna nies, Sant kien ħdejja, qaluli qabbillu waħda lil Sant! Għidtlu hekk jien : “Bi kliem ħelu u meqjus tferraħ lill-kelb u anki lill-qattus u tberred lin-nervus u qalli u anki lill-fellus!”

George qasam magħna talba li jgħid kull filgħodu: “Ġesu meta nqum kmieni poġġi kliemek fuq ilsieni”. Talba li ilu jgħid minn meta kien żgħir u se jibqa’ jgħid sa ma jħalli din id-dinja, hekk kif ix-xewqa tiegħu huwa li jkun strument ta’ ġid u juża kliemu biex ifarraġ lill-batut.

U wara snin iferraħ lill-morda fl-Isptar Mater Dei, issa se jkun qed jagħmel l-istess fl-iswali ta’ San Vinċenz?

Qal “Daqqa għax-xemx u daqqa għar-riħ issa hawnhekk għandi bżonn ħafna mistrieħ. Qiegħed hawn u għajjejt aħseb u ara jekk noqgħod indur ’l hemm u ’l hawn x’waħda din!”

Fuq kollox jittama li t-taqbiliet li wassal tul ħajtu kienu ta’ ġid, għax kif qal hu, il-ħajja mingħajr skop tiġi logħob.

George qal “Paċi u ġid jien nixtiqilkhom u ħajja tajba mill-aħjar, daqshekk biżżejjed ħa nieqaf għax jien naħseb li l-ħin sar, għax jekk nibqgħu sejrin hekk is-sidrija tiġi ġlekk u biex ma ndejjaqkhomx biżżejjed daqshekk.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend