Persuni gay se jkunu jistgħu jagħtu d-demm fi żmien sitt xhur | One News

Notifiki

Persuni gay se jkunu jistgħu jagħtu d-demm fi żmien sitt xhur

Fi żmien sitt xhur, persuni gay se jkunu jistgħu jagħtu d-demm.

Ħabbar dan id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa Chris Fearne meta żar ix-xogħol ta’ rinovar li sar fuq il-mobile blood donation unit, li dagħodu kien barra l-Parlament.

Il-Ministru Fearne qal li l-Gvern żamm mal-wegħda elettorali tiegħu, sabiex persuni gay ma jiqbgħux ikunu diskriminati u jkollhom ċans li jagħtu d-demm, ladarba jilħqu kriterji meħtieġa.

Għal dan il-għan se jdaħħal apparat tal-aħħar teknoloġija – “NAT Testing”. Dan l-apparat se jkun qiegħed janalizza d-demm ta’ kulħadd qabel jingħata lill-pazjenti, inkluż dawk tal-persuni gay.

Id-Direttur tal-bank tad-demm Alex Aquilina spjega kif se jintuża dan l-apparat. Bil-Ħaddiema se jingħataw it-taħriġ ta’ kif jintuża. Spjega kif in-Nat Testing huwa “l-iktar apparat sensittiv li jaqbad kull tip ta’ kundizzjoni. Dan Mhux se jintuża għal hekk biss, iżda għal donazzjonijiet oħra wkoll. Apparti minn hekk, hemm ċertu kundizzjonijiet li llum ma nistgħux niċċekkjaw għalihom, bħal ċertu viruses li jiġu trasmessi meta persuna ssiefer f’postijiet bħall-Italja u Franza li jiġu trasmess min-nemus”.

Il-Ministru għas-Saħħa spjega kif bħalissa għaddejja ħidma mal-Minstru għall-Ugwaljanza Helena Dalli sabiex isiru l-bidliet fil-liġi u persuni gays ma jibqgħu jiġu diskriminati u jkunu donaturi tad-demm. Fearne qal li l-pjan tal-Gvern hu li malli jkun hemm testjar adekwat u l-persuni jilħqu ċerti kriterji, ikollna din il-liġi ġdida biex “aktar persuni jkunu donaturi u nsalvaw iktar il-ħajjiet”.

L-isptarijiet kollha ta’ Malta jkollhom bżonn 50 borża demm kuljum għall-pazjenti.

Fis-sajf jonqsu d-donaturi u bħalissa, hemm bżonn kull tip ta’ demm. Partikolarment, l-O negative u A negative, tip ta’ demm li jkollhom bżonn ħamsa fil-mija tal-popolazzjoni. Aquilina spjega li raġunijiet għal dan it-tnaqqis huma fost oħrajn is-sħana u s-safar. Spjega wkoll kif hemm 28 jum fejn dak li jkun ma jkunx jista’ jagħti d-demm jekk ikun mar f’pajjiżi fejn hemm xi mard li jittieħed.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li s-sena li għaddiet kien hemm aktar minn 2,000 donatur ġdid jagħtu d-demm, li ingħaqdu mal-ħamsin elf donatur. Dan filwaqt li appella sabiex aktar persuni jersqu ‘il quddiem u jagħtu d-demm. Ħabbar li hemm il-ħsieb sabiex il-bank tad-demm minn ħdejn St Lukes, jimxi għal bini ġdid qrib l-isptar Mater Dei.

Fill-ġimgħat li ġejjien se tibda kampanja mal-Kunsilli Lokali sabiex aktar persuni jagħtu d-demm.

Il-mobile blood donation unit jintuża għal madwar erba’ darbiet fil-ġimgħa u jkun f’belt jew raħal differenti kull nhar ta’ Ħadd biex il-pubbliku ikun aktar imħajjar jagħti d-demm.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend