Jitnieda fond ta’ €300,000 għal boroż ta’ studju fl-oqsma tad-DLT u l-Blockchain – One News

Notifiki

Jitnieda fond ta’ €300,000 għal boroż ta’ studju fl-oqsma tad-DLT u l-Blockchain

Il-Gvern alloka €300,000 f’boroż ta’ studju biex jinvesti fi studenti li jixtiequ jispeċjalizzaw fl-oqsma tal-Blockchain u d-DLT fl-Università ta’ Malta.

Il-boroż ta’ studju tfasslu b’ħidma konġunta bejn il-aġenizja tal-informatika tal-Gvern u l-Università, se jingħataw f’livell ta’ Masters u Dottorat għal dawk li diġà għandom degree f’għadd ta’ suġġetti bħal-liġi, il-finanzi u n-negozju. F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha sar l-iffirmar tal-ftehim, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri stqarr li dan kien pass għaqli li se jarma lill-istudenti Maltin bil-ħiliet neċessarji f’dan is-settur innovattiv.

“Wara li rnexxielna nġibu lejn Malta l-aqwa kumpaniji fi-qasam tal-Blockchain u DLT f’Malta, issa x-xewqa tiegħi hi li nara iżjed Maltin jibbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet. Għalhekk rridu nkomplu ninvestu fir-riżorsi umani tagħna u għalhekk qed nniedu dawn il-boroż ta’ studju ta’ €300,000 fuq livell ta’ Dottorat u anke Masters”.

Ir-rettur tal-Università ta’ Malta Alfred Vella, qal li huwa essenzjali li l-Università taħdem pari passu mal-bżonnijiet tal-industrija biex tibqà istituzzjoni dinamika u relevanti.

“Hija essenzjali li f’dan il-qasam, l-Università tkun preżenti ħalli tipprepara lin-nies tagħha kemm mit-tagħlim u kemm fir-riċerka biex isibu posthom f’din l-ekonomija li hi u li ġejja”

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo stqarr li d-dinja tal-blockchain m’għadhiex teknoloġija tal-futur, iżda tinsab magħna u rridu nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex l-istudenti ta’ pajjiżna jiġu mgħammra bl-aqwa ħiliet f’dan is-settur.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend