Minn ċkunitha riedet taħdem fi sptar biex tgħin lil batut | One News

Notifiki

Minn ċkunitha riedet taħdem fi sptar biex tgħin lil batut

 

Katrina Camilleri għandha 20 sena, u hija waħda mill-mija u erbgħin infermier ġdid li t-Tnejn li għadda bdiet taħdem fl-Isptar Mater Dei.

Ma’ One News Katrina qalet li sa minn ċkunitha dejjem ħasset il-ġibda għal din il-vokazzjoni li fiċ-ċentru tagħha għandha l-pazjent.

Għas-sitt xhur li ġejjin, katrina u l-infermieri l-ġodda se jaħdmu f’oqsma differenti tal-isptar biex wara jiġu assenjati post iktar permanenti.  

Katrina saħqet magħna kif matul it-tlett snin ta’ studju fl-Università kien hemm element qawwi ta’ prattika iżda wkoll ta’ riflessjoni, “għax aħna niltaqgħu ma’ ħafna problema ta’ ħafna nies matul dawn it-tliet snin u tkun għadekm ma drajt ma toħodhomx mieghek id-dar u allura trid tagħmel ħafna riflessjoni”.

Hija tkellmet ukoll dwar id-differenza minn fuq il-bank tal-università għas-swali tal-operazzjonijiet fl-isptar, fejn “issa taqa’ ħafna responsabbilitá fuqek  u barra minn hekk inti qed tieħu deċiżjoni għall-pazjent u dak li tagħmel, ħadd m’hu ser jiġi jgħidlek “isma dik m’għamiltiex tajba..” Inti trid issaqsi jekk filkas ta’ xi opinjoni.” 

Marylene Zammit hija infermiera ġdida oħra fl-isptar Mater dei. Saħqet li xtaqet issir infermiera bl-iskop li ‘l quddiem tkompli tistudja għal tabiba.  Madankollu qalet li tħoss li sabet postha.

“Għażilt in-nursing biex inkompli għall-mediċina, għax jogħġobni ħafna għarfien u l-istudju tal-anatomija u l-fiżjoloġija tal-bniedem, imma sibt li n-nursing jikkumplimenta ħafna l-personalitá tiegħi.  Itini opportunitá kbira fejn nista’ nuża l-empathy u l-compassion fejn jidħol il-pazjent u r-relatives u ġieli anke ma’ staff stess.”

L-infermiera Katrina Camilleri saħqet li l-għan tagħha dejjem se jkun li ġġib il-pazjent l-ewwel u qabel kollox:

“ L-aqwa li dak li nagħmel f’xogħli fil-futur tiegħi, l-aqwa li nkun sigura għall-pazjent u nagħmel x’nagħmel, anke jekk ikolli tnax-il siegħa f’ġurnata, anke jekk inkun għamilt persuna waħda, għamiltilha l-ġurnata aħjar, għalija dak huwa sodisfazzjoni biżżejjed”.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend