ARA: Jallegaw li ngidmu eluf kbar minn kumpanija tat-timeshare – One News

Notifiki

ARA: Jallegaw li ngidmu eluf kbar minn kumpanija tat-timeshare

Il-Pulizija qed tinvestiga bosta rapporti li saru minn Maltin wara li allegatament ingidmu eluf ta’ ewro mill-kumpanija ‘Rediscover the World – Platinum International Services’ li kienet toffri servizzi u offerti ta’ timeshare.

Fl-aħħar jiem għexieren ta’ persuni lmentaw ma’ ONE NEWS li sfaw migduba mill-kumpanija li kienet topera minn ħanut fil-Mosta bl-isem ‘Escape from Malta’.

Bi tweġiba għal sensiela ta’ domandi minn dan l-istazzjoni, il-Pulizija kkonfermat li rċeviet diversi rapporti dwar dan l-allegat każ.

Dan wara li l-klijenti spiċċaw iħallsu għal servizzi barra minn xtutna li suppost kienu tħallsu mill-kumpanija qabel is-safra.

Saħansitra kien hemm fosthom li ħallsu €2,000 għal lukanda li mingħalihom kienet imħallsa. Oħrajn spiċċaw saħansitra fl-għassa tal-pulizija fil-Ġermanja għax ma kellhomx biex iħallsu dak li suppost tħallsilhom mill-kumpanija.

Bil-kundizzjoni tal-anonimità waħda mill-klijenti tal-kumpanija rrakkontat l-għawġ li sabet ruħha fih waqt li kienet għal btala.

Hija rrakontat kif flimkien ma’ familtha bbukkjat sabiex tmur għall-btala hekk kif kienet membru f’ din it-‘timeshare’, madankollu malli waslet sabet li ma kien hemm xejn imħallas kif imwiegħed mill-kumpanija.

Immedjatament huma kkunttatjaw lir-rappreżentanta tal-Kumpanija s-Sinjura Bernardette Gauci li qaltilomli omma kienet marida u qiegħda fit-Taqsima tal-kura ntensiva u bosta skużi oħra. Madankollu qalet li sabu li omm Gauci kienet qed tippostja xi affarijiet fuq facebook, filwaqt li kompliet tgħid kif għandha żewġ holidays oħra bbukkjati.

Persuna oħra, Tiziana Demanuele tirrakkonta kif familtha ukoll ingidmet minn din il-kumpanija wara li ħallset €3,900 biex saru membri, imbagħad eventwallment iħallsuprezz fiss u ridott ta’ €575 għal kull safra. Qalet kif fi Frar li għadda bbukjat vaganza fl-Italja u tgħat il-flus lis-Sinjura Bernardette Gauci, iżda ġara li kif marru għal vaganza f’Awwissu, tal-lukanda qalilhom li jridu jħallsu €2800, għax dawn ma ġewx imħallsa mill-Kumpanija.

Qalu li meta marru biex iressqu l-ilment tagħhom mal-Kumpanija l-ġimgħa l-oħra, baqgħu b’ xiber imnieħer. Demanuele qalet li sa nhar il-Ħamis li għadda kienu għadhom qed issiru l-laqgħat biex in-nies issiru membri f’ din it-timeshare, madankollu l-uffiċini ma’ fetħux iżjed din il-ġimgħa.

ONE News ikkuntattja wkoll lis-Sinjura Bernardette Gauci – eks general manager f’din il-kumpanija u li fil-konfront tagħha qed isiru dawn l-allegazzjonijiet. Qalet li hi personali qatt ma frodat lil ħadd u kompliet tgħid li “d-direttur u l-owner tal-kumpanija s-Sur Michael Tolan ħareġ b’ din id-‘disruption of services’ u bgħatt ‘claim form’ lil kulħadd sabiex jieħdu r-refund lura”. Gauci kompliet tgħid li hi personali rriżenjat mill-kumpanija u għandha tieħu €16,000 mill-kumpanija u l-istaff għadu ma tħallasx tal-aħħar xahrejn xogħol.

Peress lill-uffiċjini jinsabu magħluqa u d-Direttur tal-Kumpanija ma jidhirx b’nemes, in-nies qed jitfaw din il-formola taħt il-bieb tal-kumpanija.

Madankollu s-Sinjura Bernardette Gauci kkonfermat li hi wkoll għamlet rapport personali lill-Pulizija għax hi wkoll vittma f’ dan il-każ, għaliex għandha tieħu l-flus, filwaqt li qalet li qeda l-ħin kollhu tipprova tikkuntatja lis-Sur Michael Tolan li jidher li tefa l-mobile.

Is-Sinjura Gauci saħqet li hi qatt ma’ kellha l-jedd u d-dritt li toħroġ il-flus mill-kumpanija; “il-pagamenti tal-bookings jiġu awtorizzati mingħandu, lil minn stajt nagħmel refund għamilt hekk jien personali u mhux mill-kumpanija, imma ma għandix il-mezzi u l-fondi li nagħmel hekk lil kulħadd”.

Mistoqsija dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha, sostniet li verament kien hemm żmien meta omma kienet l-isptar, iżda li kienet qed iġġib l-iskużi għal fatt li s-Sur Tolan kien qed jgħidila li se jġib il-flus mill-‘head office’, iżda dawn qatt ma’ jaslu qatt.

“Jien kont fil-fatt f’disprament bħan-nies u jien kont qed nara kif insewwi s-sitwazzjoni sakemm in-nies jieħdu flushom lura” qalet l-Eks General Manager tal-Kumpanija Bernardette Gauci.

Intant, matul l-aħħar jiem ONE News għamel diversi tentattiv biex jaqbad lid-Direttur Maniġerjali tal-Kumpanija Michael Tolan. Madankollu l-mobile tiegħu jidher li hu mitfi hekk kif kull darba qed jingħad dan il-messaġġ; “you have reached: hi this is Michael Tolan, I’m sorry I missed your call, I will get back to you as soon as possible have a great day, please leave your message after the tone”

Minkejja li ħallejna messaġġ għal tliet darbiet fuq medda ta’ tlett ijiem u bagħtna wkoll diversi emails, Tolan baqa’ ma’ weġibx.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend