Ara: Il-PM Muscat f’taħditiet mal-Prim Ministru Ċek – One News

Notifiki

Ara: Il-PM Muscat f’taħditiet mal-Prim Ministru Ċek

Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li Malta hija l-uniku stat membru fl-Unjoni Ewropa li tiddedika l-mija fil-mija tar-riżorsi tagħha għall-immigrazzjoni. Muscat qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet konġunta fi tmiem taħditiet li kellu f’Kastilja mal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka Andrej Babis.

Fi sfond tal-kriżi tal-immigrazzjoni fil-Mediterran, il-Prim Ministru laqa’ l-impenn ta’ Babis fejn minkejja li hemm opinjonijiet differenti dwar l-immigrazzjoni, wera x-xewqa li tinstab soluzzjoni għal din il-problema.

Il-Prim Ministru rrimarka li din is-sena it-traġitti fil-Mediterran naqqsu bi 80%. Huwa saħaq dwar l-importanza fl-infurzar tal-fruntieri tal-Afrika kif ukoll dwar l-għajnuna li għandha tingħata lill-pajjiżi li minnhom qed joriġinaw l-immigranti.

Il-Prim Ministru qal ukoll li bil-għajnuna tal-UE, il-Gwardja tal-Kosta Libjana qed jaħdmu aħjar. Madadnkollu talab biex kull min jopera fil-Mediterranean josserva l-liġijiet internazzjonali. Muscat qal ukoll li d-djalogu huwa importanti ħafna u l-pajjiżi Ewropej għandhom ipoġġu bil-qiegħda u jiddiskutu soluzzjonijiet dwar il-problema tal-immigrazzjoni.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Ċek Andrej Babis qal li s-sistema proposta tal-kwoti hija inaċċettabbli għax fir-Repubblika Ċeka hemm l-inqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa.

Huwa spjega li sabiex isibu ħaddiema, il-kumpaniji Ċeki qed idaħħlu immigranti ekonomiċi minn barra l-pajjiż waqt li japplikawlhom għall-permessi tax-xogħol.

Semma l-immigrazzjoni mis-Sirja fejn is-soluzzjoni kienet it-Turkija. Saħaq ukoll li għandha ssir ħidma fil-pajjiżi tal-oriġini. Huwa appella wkoll għal qbil mal-Libja sabiex il-pajjiżi Mediterranji jkollhom soluzzjoni ħolistika. Issuġġerixxa ukoll li l-Ewropa tiddedika aktar flus biex tissolva din il-problema tal-immigrazzjoni.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-fatt li r-Repubblika Ċeka ma aċċettatx li tieħu l-ebda immigrant minn dawk li ddaħħlu Malta, Babis qal li pajjiżu wera solidarjetà billi kkontrobwixxa f’diversi programmi tal-immigrazzjoni u taw il-flus u riżorsi militari biex tassisti lill-pajjiżi oħra fosthom l-Italja u t-Turkija.

Babis qal li bħalissa fir-Repubblika Ċeka qed jidħlu numru ta’ immigranti mill-Ukraina li jkunu għadhom kif ħarbu mill-kunflitt li hemm fl-Ukraina mar-Russja kif ukoll li hemm influss ta’ immigranti mis-Serbja. Hawnekk tenna l-importanza ta’ pjan Holistiku bħal dak li sar mat-Turkija biex jilqgħu għall-immigrazzjoni mis-Sirja.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend