Id-Direttur Eżekuttiv tal-Europol Catherine De Bolle f'Malta | One News

Notifiki

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Europol Catherine De Bolle f’Malta

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Europol Catherine De Bolle żaret Malta bejn ilbieraħ u llum. Is-Sinjura De Bolle attendiet għal laqgħat mal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia, mal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u ma’ uffiċjali għolja fil-Korp.Il-Ministru Michael Farrugia rringrazzja lis-Sinjura De Bolle għall-kooperazzjoni kontinwa bejn l-aġenzija tal-Europol u l-Korp tal-Pulizija. Il-Ministru rrimmarka li l-koperazzjoni se tkompli tiżviluppa fit-taħriġ tal-individwi filwaqt li spjega x-xogħol u l-bidliet li jsiru fil-Korp tal-Pulizija biex jissaħħu s-sezzjonijiet tal-economic crime unit, is-cyber crime unit u l-forensic unit. Il-Ministru Farrugia ddiskuta wkoll it-tisħiħ ta’ diversi opportunitajiet fil-Mediterran taħt il-kappa tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

 Waqt il-laqgħa mal-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija ġew diskussi suġġetti relatati mal-kriminalità kemm lokali kif ukoll dik transfruntiera. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq aktar koperazzjoni bejn Malta u l-aġenzija tal-Europol biex jiġġieldu kontra t-theddid tal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. B’hekk tissaħħaħ is-sigurtà taċ-ċittadini Maltin kif ukoll dawk tal-Unjoni Ewropea.

 Il-Kummissarju Cutajar irringrazzja lis-Sinjura De Bolle tal-assistenza u tas-support li ngħatat mill-aġenzija lill-Korp tal-Pulizija u awgura li tkompli tissaħħaħ il-koperazzjoni u l-assistenza li tista’ tintalab fil-ġejjieni bejn iż-żewġ partijiet.

Min-naħa tagħha Catherine De Bolle ikkonfermat it-tisħiħ ta’ koperazzjoni dwar diversi kwistjonijiet transfruntiera bil-għan li tissaħħaħ is-sigurtà interna fil-komunità tal-Unjoni Ewropea inġenerali. Is-Sinjura De Bolle żiedet li r-relazzjoni bejn Malta u l-Europol hi diġà tajba ħafna u din iż-żjara ħa sservi bħala opportunità biex iż-żewġ partijiet ikomplu jaħdmu flimkien u jappoġġjaw lil xulxin.

 Id-Direttur Eżekuttiv inħatret għal mandat ta’ erba’ snin mill-Kunsill Ewropew wara li spiċċa l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv preċedenti Rob Wainwright, f’Mejju 2018.  Qabel din il-kariga, Catherine De Bolle kienet il-kummissarju ġenerali tal-pulizija federali tal-Belġju.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend