Żewġt iklieb jinstabu mejta fil-bajja ta' Fomm ir-Riħ | One News

Notifiki

Żewġt iklieb jinstabu mejta fil-bajja ta’ Fomm ir-Riħ

Żewġt iklieb tar-razza pitbull instabu mejta fil-baħar fil-bajja ta’ Fomm ir-Riħ.

Is-sejba saret ilbieraħ wara li persuni li kienu fiż-żona lemħu l-karkassi taż-żewġt iklieb qrib din iż-żona.

Il-paġna fuq Facebook, Time for Change, li titkellem favur id-drittijiet tal-annimali, spjegat kif dan il-każ ġie rrapportat mas-sezzjoni tat-tindif u kif ukoll mad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali iżda peress li dawn iż-żewġt iklieb m’għandhomx ċippa, sfortunatament ma jistgħu jittieħdu eba passi. 

Dan hekk kif mingħajr ċippa jew mezz ta’ identifikazzjoni ta’ min kien is-sid, m’hemmx mod kif wieħed ikun jaf ta’ min kienu u aktar minn hekk, kif spiċċaw mejtin fil-baħar.

L-istess paġna spjegat li l-persuna li għamlet din is-sejba qalet li wieħed mill-klieb kien iswed bl-abjad u li ma’ għonqu kellu ferita fejn seta’ kien hemm kullar.

Il-paġna appellat għal aktar drittijiet u azzjoni favur l-annimali u biex f’każijiet bħal dawn jittieħdu aktar miżura kontra l-persuni li wettqu atti krudili.

Minkejja l-allegazzjonijiet li saru li dawn il-klieb setgħu nqatlu u ntefgħu fil-baħar, s’issa m’hemm ebda indikazzjoni ta’ x’wassal għall-mewt ta’ dawn iż-żewġt iklieb.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend