Tislima lil Neil Simon | One News

Notifiki

Tislima lil Neil Simon

Il-Ħadd, 26 ta’ Awwissu, tħabbret il-mewt ta’ Neil Simon fil-għomor ta’ 91sena.  Fil-fehma tiegħi hu wieħed mill-aqwa playwrites tas-seklu 20.  Kellu 30 dramm li ttellgħu fuq Broadway, li ħafna minhom nħadmu bħala films, fosthom “The Odd Couple” (b’Jack Lemmon u Walter Matthau) u “Barefoot in the Park” (b’Robert Redfiord u Jane Fonda).  Meta tieħu flimkien kemm il-darba ġie innominat għal Academy Awards (4 darbiet), Golden Globe Awards (3 darbiet), Emmy Awards (4 darbiet), Writers Guild Awards (10 darbiet) u Tony Awards (13-il darba), ebda kittieb ieħor tas-seklu 20 ma rċieva daqshekk rikonoxximent.Personalment, aktar segwejt il-karriera ta’ Neil Simon mill-perspettiva tad-drammi tiegħu li nħadmu bħala films.  L-element konsistenti fl-istil ta’ kitba li kellu Neil Simon, kienet kif minn suġġetti serji ħafna joħloq il-kummiedja permezz ta’ sitwazzjonijiet li jpoġġi fihom il-karattri tiegħu u l-mod verbali ta’ kif jitkellmu.  Kritiċi jiddeskrivu dan l-istil ta’ kummiedja bħala ‘sophisticated, urban humour’.

Tista’ tgħid li l-karattri tiegħu ġejjin mill-klassi medja Amerikana.  Kien ipoġġi l-karattri wiċċ imb’wiċċ ma’ konflitti li jridu jiġu solvuti.  Tema oħra rikorrenti kienet iż-żwieġ u l-familja.  Neil Simon kien jemmen f’familja monogramma (bejn raġel wieħed u mara waħda) għax hekk kien jemmen li jista’ jkollok stabilità fis-soċjetà.  Min ma jaqbilx ma’ Neil Simon kien jikkritikah li hu ‘old fashioned’.  Għalih mid-divorzju, ħadd ma kien joħroġ rebbieħ.

Jekk kelli nagħżel play li tirrappreżenta dan kollu, nagħżel ‘The Odd Couple’.  Il-film ħareġ ħamsin sena ilu.  Bażikalment, għandek lil Felix (Jack Lemmon).  Martu titilqu u Felix jibda jaħseb biex iwettaq suwiċidju.  Il-ħbieb tiegħu, li jkunu jiltaqgħu għand Oscar (Walter Matthau) biex jilgħabu l-karti, jibdew jitħassbu meta Felix ma jmurx jilgħab magħhom.  Meta Felix eventwalment imur, jistaqsi jekk martu ċemplitx.  B’Felix mgħandux fejn joqgħod, jiddeċiedi li joqgħod ma’ Oscar.  Imma dawn it-tnejn ma kienu jaqblu f’xejn.  Meta Oscar jipprova jirranġa ma żewġ nisa li jiġi joqogħdu fl-istess blokk ta’ appartament tagħhom, għall-ewwel Felix iħossu li sab ħajja ġddia.  Imma wara jirrealiżża li din mhix triqitu.

Fl-1994, wara 25 sena jara suċċess wieħed wara l-ieħor fuq Broadway, Neil Simon sab ruħu ma jistax itella’ play oħra f’din il-mekka tat-teatru f’New York.  Ir-raġuni kienet ekonomika.  Filwaqt li 25 sena ilu, biex ittella’ play fuq Broadway, ridt mill-anqas $1.6 miljun biex tibda, jekk ittella’ play Off-Broadway dak iż-żmien kellek bżonn bejn wieħed u ieħor $660,000.  Għaldaqstant, plays bħal ‘London Suite’ u oħrajn bdew jittellgħu Off-Broadway fejn biljett tad-dħul dak iż-żmien kien ta’ $40.  ‘London Suite’ kienet suċċess għax il-pubbliku kien iħobbu lil Neil Simon.

Ta’ QabelLi Jmiss
Mario Azzopardi għandu passjoni kbira għall-films. Ilu jipproduċi programmi għar-radju u t-televiżjoni dwar il-films mill-1981 u ilu jikteb fil-ġurnali tal-Union Press dwar il-films mill-1990. Ġie mistieden tliet darbiet għaċ-ċeremonja tal-Oscars minbarra stediniet oħra għall-European Film Awards u għall-festivals ewlenin ta’ Cannes, Berlin u Venezja. Kellu karriera twila ta’ għalliem. Kien Kap tal-Programmi Edukattivi fuq it-televiżjoni u r-radju nazzjonali. Aktar tard inħatar Direttur għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li matul dan il-perjodu kien responsabbli għad-dħul tal-ischolarships għall-Masters u d-dottorat u għall-firxa akbar tal-korsijiet għall-adulti. Illum Direttur għall-Kultura. Fl-2013 inħatar Chairman għall-Bord tal-Klassfikazzjoni tal-Films.

Send this to a friend