Se jitwaħħlu 150,000 kontenitur tal-iskart organiku madwar Malta | One News

Notifiki

Se jitwaħħlu 150,000 kontenitur tal-iskart organiku madwar Malta

Sal-aħħar tas-Settembru li ġej se jinfirex ma’ Malta kollha l-proġett li permezz tiegħu l-iskart tal-ikel, magħruf bħala skart organiku jinġabar f’kontenituri u boroż għalih.

Il-proġett b’investiment ta’ €5 Miljun, diġà twettaq b’suċċess fi proġett pilota li sar matul dawn l-aħħar sentejn f’Għawdex u fi 13-il lokalità.

Flimkien ma’ dan il-kontenitur, se jitqassmu wkoll boroż bojod li fihom se jinġabar l-iskart tal-ikel bħal qxur ta’ ħaxix u frott.

Davinia Shead, Uffiċjal tal-Wasteserv, qalet ma’ ONE News li l-iskart orgnaiku se jibda jinġabar fl-aħħar ta’ Ottubru tliet darbiet fil-ġimgħa:

“Li se jkun qed jiġri hu, se nħabbtu bieb bieb fejn u nqassmu dawn il-kontenituri u se nipruvaw minn naħa tagħna nilħqu r-residenti għal tlett darbiet. Jiġifieri l-ewwel se mmorru filgħodu, jekk ma jkun hemm ħadd se mmorru filgħaxija u nerġgħu nippruvaw l-għada filgħodu wkoll. Meta ma jkun hemm ħadd disponibbli,se nqassmu dan il-fuljett li fuqu se jkun hemm nota ta’ wieħed x’għandu jagħmel biex jiġbor il-kontenitur tiegħu.”

Spjegat ukoll, li kull dar se jitqassmula wkoll erbà kontenituri oħra li se jiffaċilitaw ir-riċiklaċċ tal-ħġieġ, skart sanitarju u skart ieħor riċiklabbli.

“Apparti minn hekk, se nqassmu erba’ kontenituri oħra f’kull dar fejn se jkollna dawk il-kontenituri biex kull wieħed u waħda minnha jkun jista’ jissepara l-iskart tiegħu kif suppost u l-pajjiż ikun jista jikrea riżorsa biex kemm jista jkun nnaqsu l-iskart li jmur fil-landfill”

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Tonio Montebello  qal li permezz ta’ din l-inizjattiva se jiżdied l-ammont ta’ skart organiku li jiġi riċiklat u mibdul f’enerġija elettrika u kompost.

 

“Dan huwa kontinwazzjoni ta’ dak li għamilna f’Għawdex u 13 il-lokalità f’Malta. Issa se jkun proġett Nazzjonali. L-għan hu li l-materjal organiku ma jispiċċax fil-landfill imma jiġi fl-impjanti tagħna. Permezz ta’ hekk niġġeneraw iżjed dawl u l-materjal li jibqa’ fl-aħħar nistgħu nużawh ukoll bħala soil improver għal periferija tal-landfill”

Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera kellu l-opportunità li jagħti l-ewwel kontenitur lill-ewwel familja li bbenefikat minn din l-inizjattiva fil-Ħamrun.

Il-Ministru Herrera spjega li dan il-proġett hu parti mit-twettiq tal-politika tal-Gvern biex fi ftit snin oħra nilħqu l-mira ta’ ħamsa u sittin fil-mija skart li jiġi rriċiklat:

“Il-miri ambjentali tagħna huma li sa ftit snin oħra nilħqu 65% f’dak li għandu x’jaqsam ma’riċiklaġġ. Qiegħdin ‘lil hinn ħafna minn hemm, u l-45% l-oħra se jispiċċaw fl-inċineratur issa. Għax anke dak li se nitfgħu fil-landfill, hemm limitu ta’ kemm hu permess.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend