Madwar 100 infermiera ġodda fil-qasam tas-saħħa | One News

Notifiki

Madwar 100 infermiera ġodda fil-qasam tas-saħħa

Għal madwar mitt żagħżugħ u żagħżugħa li għażlu l-professjoni ta’ infermier u li temmew b’suċċess il-kors universitarju tagħhom, illum kienet l-ewwel ġurnata tax-xogħol tagħhom fil-qasam tas-saħħa. B’dawn l-infermiera ġodda n-numru ta’ infermiera ingaġġati mill-gvern f’dawn l-ewwel seba’ xhur tas-sena jammonta għal 140.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne esprima sodisfazzjon għal dan l-ingaġġ u ddeskrivieh bħala pass ieħor ’il quddiem fl-impenn tal-gvern li jkompli jtejjeb is-servizz tas-saħħa għall-poplu.“Sa ftit tas-snin ilu kien maħsub li l-ħtieġa kienet ta’ madwar mitt infermier fis-sena biex inkopru s-servizzi mogħtijin mill-isptarijiet tagħna, fost servizzi oħrajn. Madanakollu, wara li ftaħna aktar is-servizzi provduti, ovvjament kibret ukoll il-ħtieġa ta’ aktar infermiera u huwa għalhekk li minn din is-sena qegħdin ningaġġaw aktar minn qabel”, qal id-Deputat Prim Ministru.

Matul din is-sena, apparti s-sejħa li wasslet għall-ingaġġ tal-infermiera li bdew ħidmiethom illum, saret ukoll sejħa għall-ingaġġ mill-ġdid ta’ infermiera li kienu rreżenjaw mill-impjieg, u minn dawn mistennija jidħlu lura madwar 20 infermier, filwaqt li mistennija jkunu impjegati wkoll madwar 40 infermier barrani wara li saret sejħa għal applikazzjonijiet permezz ta’ Jobsplus b’kollaborazzjoni ma’ EURES. Saret ukoll sejħa għal applikazzjonijiet f’ġurnali Spanjoli fejn ukoll jirriżulta li hemm infermiera li m’għandhomx impjieg.

Huwa mistenni li sa tmiem din is-sena n-numru ta’ infermiera ġodda jkun laħaq madwar 200.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend