"Kont l-akbar għadu tiegħi nnifsi" – tfajla ta' 24 sena li għelbet id-dipressjoni | One News

Notifiki

“Kont l-akbar għadu tiegħi nnifsi” – tfajla ta’ 24 sena li għelbet id-dipressjoni

Kienet battalja ta’ iktar minn għaxar snin, battalja li ġġielidt waħdi, battalja li għelibtha billi fost oħrajn sibt wens fil-kitba.

Dan huwa l-kliem ta’ kuraġġ ta’ Claire Attard, żagħżugħa ta’ 24 sena li rebħet il-ġlieda missielta kontra d-dipressjoni.

Ma’ ONE News, Attard spjegat li bdiet tinnota s-sintomi minn meta kienet għadha l-iskola. Kienet tħossha inqas minn sħabha tal-klassi, iktar kwieta, iktar ‘imejdqa’. Iżda kien għaxar snin wara li verament innutat, li hemm xi ħaġa mhux f’postha.

Fittxet l-għajnuna waħedha mingħand psikologu, wirja li verament riedet l-aħjar ħajja għaliha nnifsiha.

Claire Attard qalet li “Għall-ewwel kif qtajt mit-telephone minn miegħu, infqajt nibki mill-ewwel, ma stajtx nemmen li wara iktar minn 10 snin irnexxieli nagħmilha. Meta mort inkellmu kont kalma, beda jsaqsini dwari nnifsi biex jara minn fejn bdiet il-problema, u minn hemm bdejna nibnu, beda jkellimni fuq emozzjonijiet, ħbieb, fuq kollox, biex jara eżatt minn fejn bdiet il-problema.”

Kellha tkun battalja fejn l-ikbar għadu tagħha kienet hi stess. Claire ħadet l-aħbar li tbati mid-dipressjoni ġimgħat biss wara li bdiet sessjonijiet ta’ terapija.Spjegat kif “Għall-ewwel, għidt li it’s a relief li wara 10 snin kelli xi ħaġa, imma fl-istess ħin kont nervuża u mbeżżgħa li ma nafx minn fejn ġiet, għaliex, u kif se nirkupra minnha l-ħaġa.”

Minkejja li ħadmet qatigħ waqt it-terapija, kien hemm mument wieħed li verament beżża’ lit-tfajla.

Attard qalet li “il-lowest point kien meta mort l-isptar u kont għamilt ġimgħa nidħol u noħroġ mill-Emerġenza biex jaraw x’se nagħmel. That was the wake up call għalija, li rrid nagħmel xi ħaġa qabel ma jkun tard wisq.”

It-traġitt biex tfiq mid-dipressjoni kien wieħed twil. Kien vjaġġ fejn it-tfajla kienet l-ikbar għadu tagħha nnifisha, iżda, wieħed fejn ma sabitx wens fit-terapija u fil-mediċina biss, iżda wkoll fil-kitba. F’nofs il-vjaġġ ta’ fejqan, Claire iddeċidiet li tibda blog.

Sostniet li “Bdejt tiela’ ftit ftit, sakemm għid ha naqbad nikteb fuq il-vjaġġ tiegħi. L-outpour ta’ messaġġi u kummenti minn nies li ma nafx, nies li b’xi mod affettwawni. Tħoss ċertu sodisfazzjon meta tara sempliċiment ‘grazzi, għax talli tkellimt, għintni’.Uħud minnhom għadhom ikellmuni s’issa, jgħiduli li fittxew l-għajnuna. Sa anke persuni barranin kienu jkellmuni.”

L-istigma kienet l-iktar ħaġa li beżżgħet lit-tfalja tul din il-mixja, u għalhekk, ħadet ir-riedni f’idejha.

Qalet li “Hemm dawn il-kumpaniji bħal Richmond Foundation li jgħinu. Għamilt ħafna xogħol volontarju mar-Richmond Foundation, għamilt kors ta’ mental health first-aid li għini ħafna anke fi kwalunkwe professjoni li jkollok.”

U minkejja li hi kellha tiġġieled il-battalja, il-qraba ta’ Claire batew magħha wkoll. Hija kellha dan il-messaġġ għall-qraba ta’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali.

Claire temmet billi qalet “Taqtgħux qalbkom, mhux l-aħħar tad-dinja. Huwa vjaġġ, vjaġġ twil, imma worthwhile.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend