Ħruġ aktar sigur minn Ta’ Qali għal Ta’ Srina – One News

Notifiki

Ħruġ aktar sigur minn Ta’ Qali għal Ta’ Srina

Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid tat-triq fl-inħawi tal-Ħemsija, li se sservi bħala ħruġ iktar sigur għas-sewwieqa li jkunu qed jivvjaġġaw minn Ta’ Qali lejn Ta’ Srina, bejn ir-Rabat u Ħ’Attard.

Din it-triq, b’aċċess f’direzzjoni, waħda se tintuża bħala l-ħruġ mill-inħawi tal-villaġġ tas-snajja ta’ Ta’ Qali lejn Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat, u fid-direzzjoni tat-tramuntana tal-pajjiż. B’hekk qed jispiċċa l-bżonn tas-sistema tas-sinjali tat-traffiku bid-dwal li hemm fin-naħa ta’ fuq ta’ Triq l-Imdina, ftit metri bogħod mir-roundabout Ta’ Srina.

 Bħalissa, meta tkun ġej minn Ta’ Qali biex tmur lejn Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat u l-Mosta trid tgħaddi minn Triq l-Istadium Nazzjonali u tuża s-sistema tas-sinjali tat-traffiku bid-dwal ta’ Triq l-Imdina, Ħ’Attard, biex taqsam il-karreġġjata tan-nofsinhar u taqbad il-karreġġjata lejn it-tramuntana u tibqa’ sejjer lejn ir-roundabout Ta’ Srina. Permezz tat-triq li għadha kif tlestiet f’Tal-Ħemsija, issa m’għandekx għalfejn taqsam Triq l-Imdina f’Ħ’Attard biex tivvjaġġa lejn dawn il-lokalitajiet. B’hekk qed jitnaqqas ħafna r-riskju ta’ ħabtiet bejn karozzi ġejjin kontra xulxin. Bħala miżura oħra ta’ ħarsien mill-aċċidenti, meta tkun ġej fi Triq l-Imdina, mid-direzzjoni ta’ Ħ’Attard, biex tmur lejn Ta’ Qali issa ser ikun hemm bżonn li ddur mar-roundabout Ta’ Srina u tikser lejn Triq l-Istadium Nazzjonali billi taqsam it-triq, bir-riskju li taħbat ma’ dawk ġejjin mir-Rabat lejn Ħ’Attard. B’hekk, is-sistema tas-sinjali tat-traffiku bid-dwal mhux ser tkun meħtieġa aktar, u ser tintefa.

 

Il-bini mill-ġdid ta’ din it-triq ta’ 750 metru fl-inħawi Tal-Ħemsija kienet tinkludi l-irranġar tal-ħitan tas-sejjieħ mal-ġnub, bankina ġdida, pajpijiet tat-tqassim tal-ilma tax-xorb u katusi tad-drenaġġ taħt l-art, sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita u wiċċ ta’ asfalt fuq pedamenti ġodda aktar b’saħħithom. Il-konnessjoni li tgħaqqad din it-triq mat-triq arterjali bejn ir-roundabouts Ta’ Buqana u Ta’ Srina, ġiet imtejba bil-bini ta’ korsija ġdida biex il-ħruġ ikun aktar sigur. Infrastructure Malta waħħlet għadd ta’ tabelli fi Triq l-Istadium Nazzjonali biex tispjega din ir-rotta ġdida.

 

L-aġenzija ser tkompli ttejjeb il-kwalità, s-sigurtà u l-effiċjenza tat-toroq arterali f’din il-parti ta’ Malta permezz tas-Central Link Project, bejn ir-roundabout Ta’ Srina u l-bidu tal-Bypass tal-Imrieħel, ħdejn l-uffiċċji tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji. Dan l-investiment fir-rotta ta’ toroq arterjali f’partijiet minn Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali ser itaffi għadd ta’ diffikultajiet, fosthom dewmien fl-ivvjaġġar, tniġġis tal-arja minħabba l-konġestjoni tat-traffiku, ammonti kbar ta’ karozzi f’toroq residenzjali dojoq fl-inħawi u nuqqas ta’ infrastruttura sigura għall-ivvjaġġar b’mezzi alternattivi, fosthom trasport pubbliku, mixi u sewqan tar-roti.

 Central Link Projet ser inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar f’dawn l-inħawi bin-nofs, anke meta tqis it-tibdil fl-użu tat-toroq fil-futur. L-emissjonijiet mill-karozzi fil-lokalitajiet tal-inħawi, fosthom id-diossidju tal-karbonju, l-ossidju tan-nitroġenu, volatile organic compounds u t-trabijiet fini, ser jonqsu b’63%, 13%, 67% u 16% rispettivament. Fl-aktar ħinijiet li jkun hemm karozzi fit-toroq l-emissjonijiet tad-diossidju tal-karbonju f’din iż-żona ser jonqsu b’madwar tunnellata fis-siegħa. Il-proġett ser jintroduċi wkoll għadd ta’ faċilitajiet ġodda għal mezzi tat-trasport alternattivi, fosthom għaxar kilometri ta’ bankini u passaġġi għall-mixi, pontijiet u mini biex taqsam it-triq bir-rota jew bil-mixi mingħajr periklu, waqfiet għall-karozzi tal-linja aktar siguri, seba’ kilometri ta’ korsiji għar-roti maqtugħa għalihom lilhinn mill-karozzi u shared bicycle priority lanes.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend