Fiori D'Argenta' f'Għawdex– Festa għall-familja kollha | One News

Notifiki

Fiori D’Argenta’ f’Għawdex– Festa għall-familja kollha

Għall-għaxar sena konsekuttiva, fil-misraħ ewlieni tax-Xewkija se tiġi organizzata festa għall-familja kollha bl-isem ta’ Fiori D’Argenta. Il-Ministru Justyne Caruana qalet li wara s-suċċess li rreġistra l-Festival Internazzjonali tal-Ikel li sar f’nofs Awwissu, il-pjazza tax-Xewkija se tospita attività oħra bl-isem ta’ Fiori D’Argenta. Justyne Caruana qalet li din l-attività tifforma parti minn kullana estensiva ta’ attivitajiet organizzati mill-kunsilli lokali Għawdxin taħt il-patroċinju tal-Ministeru għal Għawdex. Fiori d’Argenta hi intiża biex tippromwovi u tagħti ħajja lil festa li fil-passat kienet popolari imma li issa qiegħda tintilef, dik tal-martirju ta’ Ġwanni l-Battista. Il-Ministru għal Għawdex qalet li din l-attività se tara tiżwieqa ta’ bosta elementi u karatteristiċi li fl-imgħoddi kienu jiffurmaw il-ħajja ta’ kuljum, ewlenin fostom l-għana Maltija, l-ikel tipiku magħmul mill-bajtar u l-element ta’ festa tradizzjonali. Għalhekk se tkun vetrina importanti ta’ dak kollu li għandu x’joffri r-raħal sabiħ tax-Xewkija li fil-ġimgħat li ġejjin se jibbenifika minn investiment li qed jagħmel il-Ministeru għal Għawdex fil-pjazza kif ukoll fit-toroq tal-madwar. Waqt din l-attività se tingħata wkoll informazzjoni dwar servizzi relatati li joffri l-Ministeru għal Għawdex.

 Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri faħħar lill-kunsill lokali u qal li attivitajiet fil-lokalitajiet, bħal din tax-Xewkija, iservu ta’ pjattaforma biex nesebixxu l-prodotti tal-gżejjer tagħna. Clint Camilleri spjega li din hi waħda mir-raġunijiet li s-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali dejjem jara kif jagħti kull għajnuna li jista’. Stqarr ukoll kif filwaqt li dawn l-attivitajiet fl-ibliet u fl-irħula Maltin u Għawdxin ikattru aktar għarfien dwar il-prodott naturali Malti fost il-poplu tagħna, itejbu wkoll il-prodott turistiku li pajjiżna qed joffri lil dawk li jżuruna. Is-Segretarju Parlamentari tkellem ukoll dwar kif tliet direttorati taħt is-Segretarjat Parlamentari se jipparteċipaw f’din l-attività. Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti se jkun qiegħed jgħaddi informazzjoni dwar il-kampanja ‘Xylella’, id-Direttorat għad-Diversifikazzjoni u l-Kompetittività se jipparteċipaw bi speċi differenti ta’ bajtar li jinstab fil-gżejjer tagħna, filwaqt li d-Direttorat tal-Agrikoltura se jkun qed jagħti tagħrif lill-pubbliku permezz ta’ taħdidiet qosra dwar ir-reġistru tal-prodotti tradizzjonali.

 Is-Sindku tax-Xewkija Paul Azzopardi ta d-dettalji ta’ din l-attività li se ssir fuq jumejn u li se tibda minn għada, it-Tlieta 28 ta’ Awwissu. Is-Sindku rringrazzja kemm lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana bħala sponsor ewlenija tal-attività, kif ukoll lis-Segretarju għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri għall-kollaborazzjoni u l-għajnuna tiegħu wkoll.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend