De Marco jikkonferma s-sehem tiegħu | One News

Notifiki

De Marco jikkonferma s-sehem tiegħu

Id-Deputat Nazzjonalista Mario De Marco kkonferma li ddefenda għal iktar minn darba l-kuntratt li ntrebaħ mill-konsorzju JCL – MHL għall-bini ta’ kċina ġdida u estensjoni fir-residenza San Vinċenz De Paul.

Kienet il-gazzetta KullĦadd li lbieraħ żvelat fil-faċċata li De Marco kien konsulent legali ewlieni tal-konsorzju b’rabta ma’ dan il-kuntratt. Kuntratt li l-Partit Nazzjonalista issa jrid li jiġi investigat mill-Awditur Ġenerali u stqarrija dwar dan ippubblikata s-Sibt kienet iġġib il-firma tal-istess De Marco. Ftit sigħat wara fil-gazzetta KullĦadd sar magħruf li l-Partit Nazzjonalista jista’ jkun jaf id-dettalji kollha tal-kuntratt għax De Marco ħareġ għonqu għall-konsorzju fil-Qorti u quddiem il-Kumitat għall-Kuntratti.

Mikxuf mill-gazzetta, De Marco bagħat tweġiba b’sitt punti li jikkonfermaw kif de Marco kien qed jirrappreżenta lill-kumpanija li l-Partit Nazzjonalista issa jrid investigata.

F’din l-ittra jingħad li fl-2016 De Marco attenda quddiem il-bord għar-reviżjoni tal-kuntratti pubbliċi. Kien ikkonfermat li lejn tmiem dik l-istess sena, il-kuntratt spiċċa quddiem il-Qorti tal-Appell u hemm ukoll De Marco ddefendih. Biex ladarba l-kuntratt kien ikkonfermat f’żewġ stadji d-diskussjonijiet baqgħu mexjin ‘il quddiem sakemm kien iffirmat.

Fit-tweġiba tiegħu, De Marco jgħid li kien bejn Marzu u April tal-2017 li ma baqax avukat tad-DB Group li hu parti mill-konsorzju.

Għalkemm ma jidħolx fl-ispeċifiku, dak iż-żmien De Marco ntalab jirrinunzja x-xogħol tiegħu ma’ din il-kumpanija wara li kienet ħarġet fil-beraħ l-iskema ta’ invoices foloz li kien iħaddem il-Partit Nazzjonalista biex iħallas il-pagi.

Iżda, meta rrinunzja għal dan ix-xogħol kien diġà deċiż f’żewġ stadji li l-kuntratt kellu jibqa’ għand il-kumpanija li issa De Marco jrid investigata mill-Awditur Ġenerali.

Biex jiddefendi s-sehem tiegħu fl-istess ħin li talab investigazzjoni, De Marco qal li fl-ebda stadju ma kien involut fin-negozjati finali. Għalkemm il-kuntratt li ddefenda hu kien jinkludi l-pjan oriġinali ta’ kċina ġdida u investiment addizzjonali.

Intant, il-gvern kien iddikjara li jaqbel mal-investigazzjoni qabel tkellem il-Partit Nazzjonalista.

Dan anke għax il-kuntratt ingħata wara sejħa pubblika li kienet ikkonfermata wkoll mill-Qorti.

Saħansitra tliet Imħallfin, foshom il-Prim Imħallef, li ġġudikaw l-appell qalu li l-kumitat ta’ evalwazzjoni kien raġonevoli fil-ġudizzju tiegħu u kellu raġunijiet validi biex ma jassenjax marki massimi lill-konsorzju li tilef.

Intant, fi stqarrija l-Partit Laburista qal li waqt li qed jipprova jimplika li l-konsorzju privat ingħata trattament speċjali mill-Gvern, il-Partit Nazzjonalista għandu fi ħdanu li min iddiżinja u lil min iddefenda l-proġett f’isem l-istess konsorzju.

Fil-fatt il-perit tal-proġett huwa l-eks deputat u kandidat nazzjonalista, George Pullicino.

“Ħadd iktar minnhom ma jista jagħti d-dettalji li jixtieq Adrian Delia,” saħaq il-Partit Laburista. Dan wara li De Marco nkixef għax ma kienx hu li fl-istqarrijiet tal-PN iddikjara li deher għal konsorzju rebbieħ.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend