Aġġornat bil-Filmat: Żewġ persuni jinqatlu f'sensiela ta' sparaturi fi Florida | One News

Notifiki

Aġġornat bil-Filmat: Żewġ persuni jinqatlu f’sensiela ta’ sparaturi fi Florida

Żewġ persuni sfaw maqtula, u 11 oħra midruba wara sensiela ta’ sparaturi fi stabbiliment tad-divertiment f’Jacksonville, Florida, fl-Istati Uniti.

L-aggressur, David Katz ta’ 24 sena minn Baltimore, qatel lilu nnifsu fuq il-post. Sorsi qalu lill-midja barranija li dan fetaħ in-nar fuq il-folla wara li tilef logħba virtwali.

Dan l-attakk huwa biss wieħed minn sensiela ta’ attakki b’arma tan-nar fl-aħħar snin fi Florida, inkluż l-isparaturi fl-istabbiliment Pulse f’Orlando fl-2016 li ħalla 49 persuna mejta, u attakk fuq skola f’Parkland fi Frar li għadda, li fih mietu 17-il persuna.

L-attakk seħħ waqt sensiela ta’ kompetizzjonijiet tal-logħob virtwali f’ The Jacksonville Landing, stabbiliment popolari għal-logħob u d-divertiment.

Għexieren ta’ persuni oħra qed jingħataw il-kura fi sptar fil-viċinanzi, u l-Pulizija qed tħeġġeġ lil kulħadd, inkluż membri tal-midja biex jevitaw iż-żona.

Fuq Twitter, il-Pulizija ta’ Jacksonville qalet li l-persuna maħsuba li kienet il-moħħ wara dan l-attakk sfat maqtula, iżda għadu mhux magħruf jekk hemm xi suspettati oħra.

Il-Pulizija għadha qed tfittex diversi persuni li sabu kenn fl-istabbiliment waqt l-attakk.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend