Malta mhux mal-għaljin – il-prezzijiet tal-enerġija f'Malta 45.5% orħos mill-medja tal-UE | One News

Notifiki

Malta mhux mal-għaljin – il-prezzijiet tal-enerġija f’Malta 45.5% orħos mill-medja tal-UE

Ċifri tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea dwar il-livell ta’ prezzijiet li ntalbu jħallsu l-konsumaturi Ewropej għal servizzi u prodotti matul l-2017 juru li l-prezzijiet f’Malta kienu 18 fil-mija orħos mill-medja tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Id-Danimarka u l-Lussemburgu kienu l-aktar pajjiżi expensive jew aħjar għaljin biex tgħix fihom bi prezzijiet li huma 41 fil-mija aktar mill-medja Ewropea waqt li l-Bulgarija baqa’ l-aktar pajjiż irħis li tista’ tgħix fih.

L-istħarriġ jinkludi fih 11-il kategorija ta’ servizzi u prodotti fosthom il-prezzijiet tal-ikel u xorb, il-prezzijiet tal-enerġija, is-saħħa, it-trasport, il-kirjiet, l-edukazzjoni u l-prezzijiet fl-oqma tad-divertiment u l-kultura.

L-istatistika turi li fi tmien kategoriji ewlenin fosthom il-prezzijiet li jħallsu l-Maltin u l-Għawdxin għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-petrol u d-diesel, il-gass u l-kirjiet kienu ħamsa u erbgħin fil-mija orħos minn tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Il-prezzijiet għall-ikel f’Malta kienu kważi għaxra fil-mija ‘il fuq mill-medja.

L-istħarriġ juri wkoll li l-prezzijiet tax-xorb alkolħoliku, l-inbid, il-birra u t-tabakk huma fil-medja tal-Unjoni Ewropea waqt li l-prezzijiet tal-ħwejjeġ f’Malta huma taħt il-medja tal-Unjoni Ewropea.

Matul is-sena li għaddiet, il-prezzijiet tal-għamara u l-oġġetti ta-dar kienu wkoll taħt il-medja Ewropea waqt li l-prezzijiet tal-mediċini u tas-saħħa f’Malta kienu kważi 16 fil-mija orħos mill-medja tal-unjoni ewropea.

B’medja ta’ 15 fil-mija, il-prezzijiet tat-trasport f’Malta huma fost l-inqas fil-pajjiżi kollha tal-UE tant li huma irħas minn kemm kienu fl-2003. Id-Danimarka kien l-aktar pajjiż għali biex tivvjaġġa.

Il-prezzijiet mitluba f’Malta għal servizzI ta’ divertiment u kulturali kienu ħmistax fil-mija anqas mill-medja ewropea waqt li l-prezzijiet mitluba għal servizzi edukattivi huma tlieta fil-mija anqas mill-medja tal-unjoni ewropea.

Iċ-ċifri juru wkoll li matul is-sena li għaddiet, il-ħlasijiet li jintalbu fir-restoranti, kafetteriji, bars u l-lukandi Maltin kienu 19 fil-mija orħos mill-medja tal-Unjoni Ewropea.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend