Il-Gvern deteriminat li joffri trasport b'xejn fl-iskejjel kollha – il-PM | One News

Notifiki

Il-Gvern deteriminat li joffri trasport b’xejn fl-iskejjel kollha – il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li waqt li l-Gvern jinsab fl-aħħar stadji tan-negozjati dwar is-servizz tat-trasport tal-iskejjel tal-istat, il-Gvern qiegħed jistenna risposta mingħand operaturi tat-trasport biex mis-sena skolasitika li jmiss jibda joffri wkoll servizz tat-trasport b’xejn lil madwar 11-il elf student fl-iskejjel tal-Knisja u dawk privati.
F’intervista rrekordjata li se tixxandar għada fuq ONE RADIO, Dr Muscat qal li bil-kuntratti l-ġodda, l-operaturi se jaraw titjib fil-kundizzjonijiet tagħhom u sostna li l-Gvern jinsab determinat li jimxi ’l quddiem bil-għan li l-ġenituri kollha jkollhom l-għażla li jibagħtu lit-tfal tagħhom l-iskola mingħajr piż żejjed u fl-istess waqt jonqos it-traffiku mit-toroq Maltin.
Il-Prim Ministru qal li t-tħejjijiet għal din l-iskema bdew fi Frar li għadda permezz ta’ white paper. Qal li sa din il-ġimgħa stess saru ’l fuq minn 60 laqgħa ta’ negozjati ma’ operaturi li wrew interess.

Dwar il-vjaġġi tat-trasport għall-istudenti fl-iskejjel tal-istat, il-Prim Minsitru qal li l-Gvern wasal fl-aħħar tan-negozjati.

“Dwar is-servizz tal-iskejjel tal-istat għamilna negozjati mal-operaturi u ntlaħaq ftehim li s-servizz tat-trasport tal-istat se jibqa’ kif inhu. Se jsiru kuntratti ġodda u r-rati tal-vjaġġi li jagħmlu l-operaturi tat-trasport u li se jħallas il-Gvern, se jaraw titjib mill-kuntratt li għadu kif skada. Jiġifieri l-operaturi qed nagħtuhom żieda sabiex ikunu jistgħu jtejbu l-kundizzjonijiet tagħhom”, qal Dr Muscat.

Ħabbar li għall-ewwel darba se tiddaħħal sistema ta’ superviżjoni permezz ta’ app li biha l-ġenituri jistgħu jserrħu rashom li wliedhom ikunu telgħu u niżlu minn fuq il-vetturi tat-trasport għall-iskejjel.

Dwar is-sistema ta’ trasport fl-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti li tinvolvi 11-il elf student, Dr Muscat spjega li din mhix uniformi u taħdem b’mod differenti ħafna minn dik tal-Gvern. Qal li l-iskema tat-trasport f’dawn l-iskejjel se tibqa’ titħaddem kif inhi issa bid-differenza li l-Gvern jagħti l-flus lura lill-ġenituri.

“Ħdimna u ħsibna li għal din l-ewwel sena żgur il-proposta tal-Gvern f’dan is-settur se tkun li s-sistema se tibqa’ titħaddem kif inhi issa. Jiġifieri mhux se jidħol il-Gvern biex jieħu over mill-iskejjel privati, tal-Knisja jew mingħand il-ġenituri, għax konna noħolqu iktar problemi milli nsolvuhom. Imma li kulħadd jibqa’ bl-istess arranġament kif inhu”, qal Dr Muscat.

Spjegal li l-Gvern se jiftiehem mal-operaturi biex iżommu l-istess rati li talbu s-sena li għaddiet u l-Gvern jagħtihom żieda ta’ ħamsa fil-mija.

“Jiġifieri jekk is-sena l-oħra tal-vann kien qed iżomm €100 għal kull student, din is-sena ngħidulu jżomm €105 u aħna se nagħtu rifużjoni lill-ġenituri ta’ dak il-ħlas. Jiġifieri tal-vann jiċċarġġja lill-ġenituri jew lill-iskola, u l-iskola tiċċarġġja lill-ġenitur u l-Gvern jagħti lura l-flus lill-ġenitur”, spjega Dr Muscat.

Qal li kieku ma jkunx hemm negozjati f’dan ir-rigward, l-operaturi kienu jitolbu żieda ħafna akbar minn 5%, u b’riżultat ta’ dan, il-ġenituri ma jkunu ffrankaw xejn iżda sempliċiment tkun żdiedet l-inflazzjoni.

“Ngħidu lill-operaturi li nifhmu li tridu żżiduhom il-prezzijijiet. Naqblu li l-prezz jiżdied b’5 fil-mija, u żommuhom hekk dawn il-prezzijiet biex b’hekk inkopru l-ispejjeż kollha tal-ġenituri”, qal Dr Muscat.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern qed jistenna lil operaturi partikolari kkordinati biex jagħtu r-risposta tagħhom wara dak li ġie nnegozjat mir-rappreżentanti tagħhom u saħaq li dan il-ftehim huwa ġust ħafna.

“Aħna determinati li nimxu ’l quddiem. Nemmnu li hu ftehim fair. Nixtieq li jitħaddem malajr kemm jista’ jkun, nixtiequ li l-operaturi jagħtuna r-risposta u jikkonfermawlna dan il-ftehim kif ġie nnegozjat mir-rappreżentanti tagħhom malajr kemm jista’ jkun”, qal il-Prim Ministru.

Temm jgħid li l-Gvern irid li l-ġenituri kollha jkollhom l-għażla li jibagħtu lit-tfal tagħhom l-iskola mingħajr piż żejjed. Dan bil-għan ukoll li jonqos it-traffiku.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend