Nitlob il-flus lura jew naċċetta nota ta’ kreditu? – One News

Notifiki

Nitlob il-flus lura jew naċċetta nota ta’ kreditu?

Meta aħna l-konsumaturi nirritornaw xi oġġetti lura għand il-bejjiegħ, mhux dejjem inkunu nafu kif tipproteġina l-liġi fiċ-ċirkustanza li nkunu fiha u għaldaqstant ma nkunux nafu jekk għandniex dritt ninsistu li ningħataw flusna lura jew naċċettaw in-nota ta’ kreditu offruta mill-bejjiegħ.

It-tip ta’ rimedju li għandna ningħataw meta prodott jiġi ritornat għand il-bejjiegħ jiddependi jekk il-prodott qed jiġi ritornat għaliex huwa difettuż jew għaliex ma nixtiequx inżommu l-oġġett mixtri.

Meta nibdlu l-ħsieb dwar il-prodotti mixtrija, il-bejjiegħa m’għandhomx obbligu legali li jagħtuna rifużjoni tal-flus li nfaqna. Fortunatament għalina l-konsumaturi l-maġġor parti tal-bejjiegħa jaddottaw policies ta’ ritorn li jippermettu lill-konsumaturi jirritornaw oġġetti mixtrija u jekk iridu jibdluhom ma’ prodotti oħra. Ċertu bejjiegħa joffru wkoll noti ta’ kreditu f’sitwazzjonijiet fejn il-konsumaturi ma jsibux prodott ieħor ma x’hiex jibdlu l-oġġett li ma jridux.  Sabiex jibbenefikaw minn dawn il-policies ta’ ritorn il-konsumaturi jiġu mitluba li jimxu ma’ numru ta’ kundizzjonijiet bħal per eżempju li jirritornaw il-prodott li ma jridux sa’ data partikolari, li ma jużawx l-oġġett u li ma jaqtgħux tikketti jew li ma jarmux il-packaging oriġinali.

Meta ningħataw nota ta’ kreditu aħna l-konsumaturi għandna r-responsabbiltà li naqraw u nosservaw it-termini u l-kundizzjonijiet marbuta magħha. Minn naħa tiegħu l-bejjiegħ għandu jaċċerta li l-kundizzjonijiet dwar l-użu tan-nota ta’ kreditu jkunu miktuba fuqha. Għandna noqgħodu attenti u naraw jekk hemmx data ta’ skadenza u jekk hemm importanti li nosservawha. Tajjeb ukoll li niċċekkjaw jekk hemmx xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta’ prodotti li tista’ tintuża. Għandna wkoll ir-responsabbiltà li ma nitilfux in-nota ta’ kreditu għaliex jekk nitilfuha nistgħu nispiċċaw b’xejn.

Raġuni oħra għalfejn xi drabi jkollna bżonn nirritornaw oġġetti mixtrija hija minħabba li jkunu difettużi. L-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur jistipula li l-konsumaturi għandhom dritt li l-oġġetti mixtrija jkunu ta’ kwalità sodisfaċenti, kif deskritti mill-bejjiegħ u addattati għall-użu li prodotti simili normalment jagħmlu. Meta dan ma jkunx il-każ, il-konsumaturi għandhom dritt jirritornaw l-oġġett lura għand il-bejjiegħ u jitolbu rimedju. L-ewwel il-bejjiegħ għandu l-obbligu li jipprova jsewwi jew jibdel l-oġġett problematiku. F’każ li dawn iż-żewġ rimedji ma jkunux possibbli jew ikunu ser joħolqulna inkonvenjent kbir, imbagħad inkunu nistgħu nagħmlu talba għal flusna lura. F’dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet m’għandniex naċċettaw nota ta’ kreditu u għandna ninsistu għal flus lura.

Meta konsumaturi jaċċettaw nota ta’ kreditu meta suppost ingħataw flushom lura, wara ma jkunx jista’ jerġa jibdielhom u jirritornaw in-nota ta’ kreditu. Għaldaqstant qabel naċċettaw nota ta’ kreditu għandna niċċekkjaw sew xi drittijiet għandna u niftakkru li nota ta’ kreditu hija inqas flessibbli minn flus għaliex trid bilfors tintuża minn ħanut jew katina ta’ ħwienet partikolari.

Ta’ QabelLi Jmiss
Odette Vella ilha 15-il sena fis-settur tal-Affarijiet tal-Konsumatur, u llum il-ġurnata hija d-Direttur tal-Informazzjoni, Riċerka, u Edukazzjoni fl-Uffiċju għall-Affarijeit tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. Vella tieħu ħsieb li jkun hawn għarfien xieraq fuq id-drittijiet tal-konsumatur u l-edukazzjoni tal-konsumaturi biex dawn ikunu infurmati sew waqt u wara x-xiri.

Send this to a friend