“It-tfaqqis tat-98 bajda tal-fkieren li malli twieldu minnufih ngħaqdu fl-abitat tagħhom fil-baħar…kienet esperjenza li ma jien ser ninsiha qatt.” Hekk stqarret ma’ ONE NEWS Graziella Tabone li kienet tifforma parti mill-grupp ta’130 voluntier ta’ Nature Trust. Hija qalet li malli dawn bdew ifaqsu nzertat li kienet hemm fejn rat b’għajnejha n-natura tagħmel tagħha.
Graziella rrakkontat kif kienu għal ħabta tal-21:15 tal-Erbgħa filgħaxija:
“Bħala parti mill-volutiera, dakinhar inzerta li kien imissni noqgħod għassa fil-bajja tal-Ġnejna flimkien ma’ 4 voluntiera oħra. Wasalt hemm għall-ħabta tad-21:10 ta’ filgħaxija u bdejna ninnotaw ċertu movimenti; dak il-ħin bejni u bejn ruħi bdejt inħoss qalbi tgħidli li l-bajd ser ifaqqas.”
Ġimgħat qabel ma seħħ it-tfaqqis, Graziella spjegat kif il-Grupp Nature Trust ħejjew proċedura speċjali sabiex ikunu salvagwardjati dawn il-fkieren ħalli b’hekk huma jkunu jistgħu jinżammu fl-aqwa stat possibbli:
“Mill-10 ta’ Awwissu lil hawn, kellna nibdlu d-dwal li kien hemm fiż-żona fejn minn dawl abjad dan bdilnih f’dawl aħmar iffiltrat.”
Dan it-tibdil fid-dwal kellu jsir minħabba li malli jkun qed joqrob iż-żmien sabiex ifaqqas il-bajd tal-fkieren, dawn ikunu sensittivi għal dawl abjad u għalhekk ittieħdu l-miżuti kollha ta’ prekawzjoni sabiex ma jxeklux il-fkieren li kien hemm fil-bejta fil-bajja tal-Ġnejna.
“Malli l-perjodu ta’ inkubazzjoni laħaq il-kważi ħamsin ġurnata, jiena flimkien mal-voluntiera bdejna mmorru naraw jekk hux kollox sew kull 5-10 minuti; fejn ta’ sikwit konna nagħmlu dawn l-intervalli ħalli b’hekk naċċertaw irwieħna li kollox miexi ħarir.
Graziella qalet li nhar l-Erbgħa li għadda propju fil-jum li faqqas il-bajd, waħda mill-voluntiera innotat li marka sewda mdawwar maċ-ċirku li sar madwar il-bajd tal-fkieren- lhiema dawra tond saret bħala punt ta’ referenza:
“Bdejna ninnotaw ċertu movimenti jsiru fil-ġnub u lejn il-baħar.”
Malli raw dawn is-sinjali, l-voluntiera ta’ Nature Trust minnufih qattgħu ix-xbieki, u kinsu r-ramel ħalli l-fkieren jmorru lejn il-baħar b’mod aktar faċli kif ukoll użaw apparat tad-dawl aħmar iffiltrat sabiex jiggwidawhom biex imorru fil-baħar.
Graziella qalet li fil-ħin li seħħ it-tfaqqis tal-bajd li dam għal total ta’ 30 minuta, kull voluntier kellu d-doveri tiegħu x’jaqdi- tagħha kien li tara li 98 fkieren tal-baħar li faqsu jirnexxielhom jaslu sal-baħar:
“Kienet esperjenza li ma jiena ser ninsa qatt. Il-fatt li tkun involut fil-proċess sa mill-bidunett u fl-aħħar tara r-riżultat- il-fkieren ifaqsu u jgħumuha lejn il-baħar, hija xi ħaġa ta’ sodisfazzjon kbir.”