ARA: Ix-xogħol fuq taċ-Ċawsli miexi ġmielu! | One News

Notifiki

ARA: Ix-xogħol fuq taċ-Ċawsli miexi ġmielu!

B’investiment ta’ €4Miljun, beda x-xogħol biex tinbena mill-ġdid it-Triq taċ-Ċawsli.

It-triq, li fiha hemm għadd ta’ siġar taċ-Ċawsli storiċi li jagħtuha isimha, inbniet lura fis-snin tmenin, iżda għal snin twal tħalliet mingħajr manutenzjoni, tant li llum-il ġurnata tinsab fi stat ħażin ħafna.

Taħt is-superviżjoni ta’ Infrastructure Malta, l-aġenzija li twaqqfet ftit tax-xhur ilu, ix-xogħlijiet se jagħtu dehra kompletament ġdida lit-triq.

It-triq li diġà bdew ix-xogħlijiet fuqha, jiġifieri il-karreġġjata li qabel kienet tieħdok minn Ħaż-Żabbar għaż-Żejtun, se tkun l-uniku waħda li jgħaddu minnha l-karozzi fit-triq taċ-Ċawsli, hekk kif se ssir two lane.. Minn naħa l-oħra it-triq li qed taraw ħdejja, jiġifieri li għadu ma bediex ix-xogħol fuqha, se ssir pedestrian, kollha kemm hi.

 It-triq, li hija twila kilometru, qabel kienet tikkonsisti minn żewġ karreġġjati wisgħin, waħda f’kull direzzjoni.

Kelliem għal Infrastructure Malta qal li l-karreġġjata waħda, flimkien ma’ biċċa żgħira mill-bankina, kienet wiesgħa biżżejjed biex fiha ssir triq b’żewġ karreġġjati. B’hekk intagħżlet il-karreġġjata li qabel kienet tieħdok minn Ħaż-Żabbar direzzjoni lejn iż-Żejtun, biex isservi ta’ triq għal karozzi.

Il-karreġġjata l-oħra, li qabel kienet tieħdok miż-Żejtun lejn Ħaż-Żabbar, se jsirilha pavimentar apposta, biex issir żona pedonali u għar-roti, b’tul ta’ ftit aktar minn kilometru.

Xogħlijiet oħra f’din it-triq jinkludu t-tibdil u t-tisħiħ ta’ diversi sistemi tat-tqassim tas-servizzi tal-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni minn trinek taħt il-livell tat-triq, kif ukoll sistemi ġodda tad-drenaġġ u tal-ġbir tal-ilma tax-xita.

Flimkien ma’ dawn ix-xogħlijiet għaddej ukoll xogħol biex it-triq tinbenda fuq pedamenti sodi.

Flimkien ma’ dan kollu, se jsiru daħliet apposta fejn jistgħu jieqfu vetturi tat-trasport pubbliku, bil-għan li l-passiġġiera jkunu jistgħu jitilgħu, jew jinżlu, mingħajr periklu.

Ix-xogħlijiet fuq din it-triq għandhom ikunu lest sas-sajf tas-sena d-dieħla.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend