1,749 applikazzjoni għal reviżjoni tal-karti tal-eżamijiet tal-MATSEC | One News

Notifiki

1,749 applikazzjoni għal reviżjoni tal-karti tal-eżamijiet tal-MATSEC

Madwar mija u għoxrin eżaminatur jinsabu f’ġirja kontra l-ħin biex f’ġimagħtejn jirrevdu ’l fuq minn elf u seba’ mitt karta tal-eżami tas-SEC u tal-MATSEC li saru f’Mejju li għadda.

Ċifri li kiseb one news juru li kienu elf mija u wieħed u erbgħin student li fl-aħħar ġimgħat talbu li ssir reviżjoni tal-karta wara li ma kinux kuntenti bil-marki li ngħataw.

Aktar minn tmien mija applikaw għal aktar minn suġġett wieħed, biex b’kollox l-uffiċċju tal-MATSEC rċieva aktar minn elf u sebgħa mitt applikazzjoni għal proċess li jieħu erba’ ġimgħat.

Minn dawn, aktar minn sitt mija kienu f’livell ordinarju filwaqt li aktar minn elf u mija kienu tal-livell tal-Matrikola.

 

Ċifri li kiseb ONE News juru li l-akbar ammont ta’ studenti li talbu reviżjoni tal-karta kien fis-Systems of Knowledge, b’mitejn u disgħa u ħamsin applikazzjoni.Segwewh is-suġġetti tal-Matematika, Malti u Ingliż fil-livell ordinarju rispettivament.

Suġġetti oħra li kull sena jirċievu bosta applikazzjonijiet għal reviżjoni tal-karta – kemm f’livell ordinarju u dak ta’ matrikola, huma dawk tax-xjenza.

Id-Direttur tal-Matsec Dario Pirotta spjega ma’ ONE News li l-mija u għoxrin eżaminatur li ntgħażlu biex jivverifikaw il-marki, ma kinux parti mill-proċess biex jikkoreġu l-karti tal-eżamijiet f’Ġunju.

 

Pirotta qal li “Jekk il-marking kien fair joħroġ rapport. Jekk dan l-eżaminatur jaħseb li l-istudent ħaqqu iktar marki jikkonsulta maċ-chair tas-suġġett u f’daqqa jaraw jekk il-grad għandux jogħla jew le.”

Jirriżulta li mhux dawk kollha li japplikaw jagħmlu dan għax ma jkunux marru tajjeb jew għax ma jkunux għaddew mill-eżamijiet.

Filfatt kien hemm numru ta’ studenti li minkejja li applikaw għal dan l-eżerċizzju, kisbu marki li bihom setgħu jidħlu f’istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji; iżda jieħdu ċans biex isaħħu l-grad, anki għaliex b’dan il-proċess, il-marka tista’ biss tiżdied u mhux tonqos.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend