"22 sena ngħix fil-vjolenza domestika"-Cliff Zammit Stevens | One News

Notifiki

“22 sena ngħix fil-vjolenza domestika”-Cliff Zammit Stevens

“Għal 22 sena għixt l-abbuż tal-vjolenza domestika fejn ma’ kull jum li jgħaddi, l-abbuż isir agħar u tispiċċa tibda temmen li dik hija r-realtà tiegħek.”  Hekk saħaq ma’ One News it-tenur żagħżugħ Cliff Zammit Stevens fejn irrakkonta kif hu flimkien ma’ ħuh sfaw vittmi ta’ din il-pjaga soċjali.

Minkejja li kienet ommhom Marcelline li mietet ftit tax-xhur ilu li kienet qed taqla’ s-swat mingħand ir-raġel tagħha kif ukoll mis-sieħeb li kellha, dan ħalla impatt fuqhom ukoll. “L-abbuż dejjem isir agħar bħala vittma dejjem issir ta’ dak li jabbuzak. Sfortunatament tidra s swat u l-abbuz mentali u thossok li ha jirnexxielek tghix u tkompli.”

Cliff qal li għall-kuntlarju tal-lum, kull darba li Marcelline kienet tmur tagħmel rapport l-Għassa, il-pulizija kienu jerġgħu jibagħtuha lura id-dar:

“Niftakar il-pulizija jgħidu lill-ommi: Ħu lil dawk it-tfal lura id-dar għax hawnhekk mhux posthom. Kien ikun il-bard u l-ħin tal-iskola u importanti li tkun id-dar u jien nibda nghid imma jien naf x’rajt qed nghidulkom x’gara, nipprovaw nirrapportaw u intom qed tibaghtuna hemm.”

Minkejja li Marceline ma baqgħetx ma’ żewġha u sabet l-imħabba f’raġel ieħor, sfortunatament hija xorta waħda baqgħat soġġetta għal dan l-abbuż.  Cliff jirrakkonta, kif kellu jkun mument partikolari, li ġiegħel lil din il-familja tirrealizza li għandhom bżonn l-għajnuna u ħaduha f’Dar Merħba Bik:

“Imbaghad spiċċaw ħafna stejjer fejn ipprovaw joqtlu lil ommi wkoll- mument fejn il-partner prova jkaxkarha minn xagharha fuq il-bridge biex jipprova jitfagħha għal isfel- dik kienet waħda mill-mumenti diffiċli li kienet wake up call li veru għandna bżonn l-għajnuna.”

Cliff jirrakkonta kif wara li ħarġet minn Dar Merħba Bik, ommu Marcelline ħasditu b’dak li għaliha tfisser l-imħabba:

“Jekk ma jsawwatnix jiġifieri ma jħobbnix- kienet difficli tismagħha għax tgħid imma ma l imħabba mhux hekk l-imħabba hija differenti mis-swat. Tirrealizza kemm mhux fizikament imma anke mentalment li mara bhala tifhem u taċċetta l-fatt li xi ħadd irid isawtek biex iħobbok.”  

Waqt li Cliff kien imsiefer bħal sajjetta fil-bnazzi sar jaf b’telefonata li ommu kienet fi stat ħażin ħafna.  Minkejja li l-vjaġġ lura Malta kien twil ħafna- tant li t-titjijra ttardjat bi tlett siegħat… id-destin ried li huwa jilħaq lil ommu fis-sodda tal-mewt sabiex isellmilha għall-aħħar darba:

“Ma strieħ, strieħ, u strieħ… tant għaddiet f’din il-ħajja għaddiet minn problemi li dak il-ħin ħassejt li hekk jistħoqqilha- tant deheret serena- dehret sabiħa qas kelli l-kuraġġ inqajjimha.”

Minn wara din il-ħolma kerha, dan it-tenur waqqaf il-Fondazzjoni Marcy li ser isservi bħala raġġ ta’ tama għal dawk kollha li jisfgħu vittmi ta’ xi forma ta’ abbuż.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend