L-ebda pazjent ma ngħata kura fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei – storja vvintata fil-faċċata ta' In-Nazzjon | One News

Notifiki

L-ebda pazjent ma ngħata kura fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei – storja vvintata fil-faċċata ta’ In-Nazzjon

L-istorja rrappurtata llum fil-faċċata tal-gazzetta In-Nazzjon hija storja ffabrikata mill-ġurnalist ta’ In-Nazzjon. Fil-fatt mhemm l-ebda kriżi ta’ sodod fl-Isptar Mater Dei, u dan grazzi għall-ippjanar fit-tul li għamel gvern Laburista fil-qasam tas-saħħa.

Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-ammont ta’ pazjenti li kienu jingħataw kura fil-kurituri taħt gvern Nazzjonalista. Fis-sena 2012, l-aħħar sena ta’ gvern Nazzjonalista, kien hemm 8,118 pazjent li ngħata kura fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei.

Din il-kwistjoni kienet prijorità għall-gvern Laburista, tant li mill-ewwel bdew il-pjanijiet biex jinbnew aktar swali fl-Isptar Mater Dei biex din il-problema tissolva—kif fil-fatt ġara. Iż-żewġ swali Medical Admission Unit 1 u 2, li bejniethom fihom 68 sodda, kienu strumentali biex pazjenti fil-kurituri jkunu problema tal-passat.

Il-kuritur tal-pediatrics li jagħmel referenza għalih il-ġurnalist Joe Mikallef hu kuritur biswit l-Emerġenza li, ilbieraħ, f’ġurnata rekord għal pazjenti li daħlu fl-Emerġenza, intuża biex l-Emerġenza ma tkunx ibblukkata bil-pazjenti u jkun jista’ jitkompla x-xogħol fl-Emerġenza mingħajr xkiel. Dan il-kuritur fl-ebda ħin ma kien miftuħ biex il-pazjenti jingħataw kura fih.

Kienu total ta’ 326 pazjent f’kategoriji 1, 2 u 3 (pazjenti li għandhom bżonn kura urġenti) li f’24 siegħa ngħataw kura fid-Dipartiment tal-Emerġenza lbieraħ—rekord ta’ pazjenti f’ġurnata waħda, li b’dedikazzjoni tat-team kollu tal-Emerġenza u tal-managment tal-Isptar Mater Dei, kull pazjent ingħata l-aħjar kura possibbli.

Il-pazjenti li mill-Emerġenza ġie deċiż li jinżammu għal aktar kura f’sala ġew trasferiti f’sala fl-inqas ħin possibbli.

Id-Dipartiment tas-Saħħa jirringrazzja lill-istaff iddedikat tal-Emerġenza għax-xogħol dedikat u imprezzabbli tiegħu, waqt li jikkundanna lil min bi qlajjiet foloz jipprova jallarma fil-vojt.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend