Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li pprova jisraq lill-imgħallem tiegħu | One News

Notifiki

Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li pprova jisraq lill-imgħallem tiegħu

Nigel Calleja ta 19 il-sena magħruf, bħala ċ-Ċoqqa ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li flimkien ma’ persuni oħra kien qed jippjana li jisraq mir-residenza tal-imgħallem tiegħu nhar it-28 ta’ Lulju li għadda. Din is-serqa marret ħażin u ma rnexxietx.

Fil-Qorti, Calleja qal li ma jaħdimx. L-Ispettur Elton Taliana qal li kien hem erba’ persuni nvoltu f’dan ir-reat, u tnejn oħra ammettew li kienu se jwettqu din is-serqa.

Il-vittma rraporta lill-Pulzija li ppruvaw jisirqulu d-dar, u l-akkużati deheru f’filmati li nġabru għall-investigazzjoni. Calleja ingħata l-ħelsien mill-arrest sakemm kien hemm biżżejjed provi biex jitressaq il-Qorti. L-Ispettur Taliana kkonferma li għad fadal persuna oħra li trid tiġi arrestata.

Jidher li waqt l-attentat serqa, il-ħallelin kienu liebsin maskra. Il-Magistrat Francesco Depasquale qal li minkejja li l-każ huwa wieħed serjissimu, ma jixtieqx li jibgħat lill-akkużat li għadu zgħir il-ħabs, u għalhekk tah il-ħelsien mill-arrest fuq kundizzjonijiet iebsa ħafna, fosthom li jiffirma kuljum l-għassa ta’ Birkirkara, u taf garanzija personali ta’ €10,000. L-akkużat kien ordnat ukoll biex ma jkellimx lix-xhieda, fosthom il-vittma, Jason Ciantar, u ma jersaqx lejn ir-residenza jew il-post tax-xogħol tal-vittma.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend